Day 6

 

Il-Ħadd 25 t’Awissu

Bonġu Mulej! Llum hu l-Jum tiegħek. Illum qalulna li forsi niltaqgħu mal-Papa. Matul il-lejl tgħidx kemm għamlet xita. Imma imbierek Alla hawnhekk kulħadd rieqed u jistrieħ, għal Alla u għall-erwieħ! Minn filgħodu titla’  x-xemx, imma llum mid-dehra x-xemx ser tibqa’  moħbija; sħab lewn iċ-ċomb, ziffa kiesħa u ħalbiet tax-xita.  Patri Mario qalilna li jekk tagħmel ix-xita dalgħod mhux se mmorru l-Vatikan. Insomma qomna fis-7.00am u fis-7.30am morna fil-kappella nitolbu t-tifħir ta’  sbieh il-jum u niċċelebraw il-quddiesa .... forsi ma tafx kif il-bambin jiftaħ l-ajru u toħroġ ix-xemx!  Lkoll nixtiequ naraw lill-Papa Franġisku. Patri Mario webbilna li Patri Ġorġ Attard, il-penitenzier, ser jipprova jagħmel minn kollox biex dalgħodu ilaqqagħna mal-Papa; imma jekk tibqa’  niezla x-xita mhux zgur noħorġu mill-bieb il-barra. Aħna kieku tlabna biex x-xita tieqaf. Wara l-quddiesa morna nieħdu il-kolazzjoni, niċċajtaw wieħed ma’  l-ieħor; u Patri Andrew qalilna “aħbar tajba, ix-xita waqfet”.  Dawn l-aħbarijiet huma dawk li jferrħuna!

Fl-10.35 konna ġa fi Pjazza San Pietru.  Nies b’kemm tati l-vista t’għajnejk. Patri Mario ċempel lil Patri Ġorġ Attard u ftit minuti wara naraw lil Patri Ġorġ ġej bil-pass meqjus ta’  bniedem tal-knisja u bi tbissima ġorġjana. Il-penitenzier daħħalna minn bejn il-gwardji Svizzeri u ħadna fil-penitenzierija. Patri Ġorġ ma qatagħlniex qalbna, qalilna li se jipprova jlaqqagħna mal-Papa. Fil-penitenzerija daħħalna fuq is-setaħ  li jiġi ħafna qrib tal-koppja tal-Vatikan. Hawnhekk ġabilna x’nixorbu, u qagħda ngħidu kelma. Ħadna diversi ritratti. F’12.00pm morna nieħdu l-barka tal-Papa li soltu jagħti nhar ta’  Ħadd mit-tieqa li tagħti għal fuq il-pjazza San Pietru; flok morna fil-pjazza, ħadna l-barka minn fuq it-Televixin tal-patrijiet. Immedjatament wara l-barka, Patri Ġorġ Attard qalilna biex issa ninzlu malgħajr, inħallu l-baktijiet fid-daħla u noħorġu mill-penitenzerija nistennew lil Papa jasal minn San Pietru fi triqtu lejn Santa Marta, fejn joqgħod il-Papa Franġisku. Ħriġna malgħajr, u ftit wara naraw lill-abbatini maltin libsin bl-aħmar u l-abjad, resqin huma wkoll tnejn tnejn biex x-ħin jasal isellmu l-Papa. Għaddew biss ftit minuti, u ekku, tidher ġejja il-karozza tal-Papa, Patri Ġorġ qalilna nersqu lejn il-bieb minn fejn jidħol il-Papa u noqgħodu hemm nistennew. Il-Papa Franġisku nizel mill-karozza, ma kien hemm ħadd madwar il-karozza ħlief l-abbatini u zewġ monsinjuri, u l-grupp vokazzjonali tagħna ma’  Patri Ġorġ Attard. Il-Papa staqsa min aħna, u qalulu li konna l-grupp vokazzjonali Franġiskani.  Kif il-Papa Franġisku sema l-kelma franġiskani, dar lejn, resaq u qal “francescani!”  Aħna konna erbgħa reliġjuzi liebsa t-tonka flimkien ma’  għaxar zgħazagħ. Il-Papa resaq lejna, bdejna nieħdu r-ritratti, tlabnieh jiffirmalna fuq dak li ġie f’idejna. Il-Papa verament umli u twajjeb beda jiffirma fuq il-faxex ħomor tal-abbatini maltin, u Patri Ġorġ Zammit kien pront tah il-maktur u l-Papa iffirma “Francesco”; Patri Mario, Andrew u Etienne ppresentaw il-kapoċċ tat-tonka minn taħt, u l-Papa iffirma fuqu wkoll, anke iz-zgħazagħ iffirmalhom.  X’entuzjazmu!  X’ferħ!  Kulħadd baqa’  mistagħġeb bid-disponibbilita’  tal-Papa tagħna. Ħadna diversi ritratti tal-Papa mal-grupp taz-zgħazagħ.  Ilkoll kemm aħna bqajna ma nistgħux nemmnu x’okkazjoni unika kellna dalgħodu.  Kulħadd jifraħ  b’Patri Ġorġ Attard u jirringrazzjah tal-okkazjoni sabiħa li tana.  Anke Patri Ġorġ Attard deher kuntent ... x’qed ngħid, deher ferħan qishom rebħu l-Manchester maċ-Chelsea! Verament għandna għax nirringrazzjaw lil Ġorġi tagħna! Grazzi Patri Ġorġ, Alla jagħtik is-saħħa biex tkompli tati s-servizz tiegħek fil-Vatikan u fil-Knisja.

Wara din il-ġrajja sabiħa, morna nieklu f’restaurant, magħna ġie Patri Ġorġ Attard. Wara l-ikel kelna ċans ta’  siegħa nduru u nagħmlu xi “shopping” u wara qbadna t-triq biex mill-Vatikan immorru naraw il-Bazilika ta’  San Govanni Laterano. U hawnhekk bdejna mixja mixjun tal-beati Pawli!  Fl-aħħar wasalna l-Lateran, kif dħalna ġewwa, kulħadd fittex post biex joqgħod bil-qegħda.  Minn hawnhekk qbadna t-triq Via Merulana lejn il-Bazilika ta’ Santa Marija Maggiore. U hawnhekk infetħu s-smewwiet u bdiet niezla xita. Għakemm kulħadd ħareġ  li kellu biex jistkenn, umbrellel, basktijiet u boroz tal-plastik .... waqafna sakemm ix-xita battiet u fl-aħħar wasalna f’xi 3.00pm fil- Bazilika ta’ Santa Marija Maggiore, imbagħad wara li rajna u ħadna xi ritratti mal-monumenti, Patri Mario tana tliet kwarti biex min irid imur jixtri mill-istabiliment tal-UPIM li kien fil-qrib. Hekk kif inġbarna wara x-xiri, morna l-istazzjon Termini fi triqtna lura lejn id-dar. Kulħadd kien għajjien mejjet/ħaj. Wasalna d-dar, inħsilna u fis-7.30pm morna fil-kappella biex nirringrazzjaw ‘l Alla tal-grazzji kbar li tana llum ukoll. Fit-8.00pm morna nieklu mal-komunita’  tal-patrijiet.

Wara l-ikel, imbierek Alla, grupp miz-zgħazagħ, anzi qaluli li kollha riedu jerġgħu joħorġu.  Patri Mario u Patri Andrew bil-paċenzja kollha ħarġu liz-zgħazagħ biex jaraw “Rome by Night”, u ġibdu lejn il-Colosseo.  Patri Ġorġ Zammit u Bro. Etienne baqgħu d-dar, għassa tad-dar!!!!!!!! Dawn it-tnejn tant kienu għajjenin li ġralhom bħal Pietru, Ġakbu u Ġwanni fil-ġnien tal-Ġetsemani, l-Imgħallem qagħad jitlob, u dawn raqdu. Good Night good people!