6 Ħadd matul is-sena

“Dan bis-serjeta’?” “Dan il-Vanġelu impossibli tgħixu”. Dan jista’ jkun l-ewwel atteġġjament naturali hekk kif nisimgħu din il-Kelma. Atteġjament ieħor jista’ jkun: “Dan il-Vanġelu mhux għalija, jien dawn id-dnubiet li qed isemmi Ġesu’ qatt m’għamilthom”. Tista’ tgħid ukoll: “Qed tara noqgħodu nilgħabu mal-Liġi, Ġesu’ ma ġiex biex iwaqqa l-liġi, mela għandi raġun nikkundanna lil min jiżbalja”.

Fil-verita’ Ġesu’ iridna mmorru ‘l hemm minn dawn l-argumenti ftit jew wisq superfiċjali. L-isbaħ atteġjament quddiem Vanġelu hekk esiġenti huwa “Agħrbel lil qalbek”! Inżel ma’ Ġesu’ fil-qiegħ nett tal-qalb tiegħek u ara x’qed jgħammar fiha. Ħallih idawwal id-dlam li hemm fiha. Is-salmi jgħidulna: “Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi; Alla tiegħi jdawwal id-dlam tiegħi”!

Jekk inti taħseb li dan il-Vanġelu huwa mpossibli tgħixu, ftakar li iva, umanament impossibli tgħixu imma Ġesu’ jridna nogħlew minn dak li huwa purament uman, iridna mlaqqma fil-Vanġelu biex inkunu iktar umani, iktar bnedmin.

Jekk taħseb li qatt m’għamilt dawn id-dnubiet, ftakar li abbli m’għamilthomx għax ma kellikx l-opportunita’ tagħmilom, u li kieku kellek, kont kapaċi tagħmel agħar.

Jekk int tħobb tiddiletta bil-liġi, ftakar li l-Kelma l-ewwel li trid taffronta hija lil qalbek, imbgħad qalb ħaddieħor. “Jekk il-ħajja tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna ta’ smewwiet”.

U alllura x’ħa nagħmlu? Nagħrblu lil qalbna. Kien hemm drabi fejn jien qtilt il-ferħ ta’ ħija, oħti, marti jew uliedi? Ikkoreġejt mingħajr imħabba? Xi jwassalni nagħmel dan? Jista’ jkun għadni ma nafx sew lili nniffsi? Xi bżonnijiet għandi? Nissodisfa dawk il-bżonnijiet b’mod mhux dehen ta’ wlied Alla? Jiena koerenti? Kliemi jaqbel ma għemili?

Issa sew! Wisq probabbli dawn il-ftit domandi ġa nħossu li tefgħuna l-baħar! Jekk le, x’imkien hemm problema. Jekk le, mur il-knisja fejn tgħix u għidilhom ineħħu l-qaddis/a patrun/a u minfloku jpoġġu lilek! Jekk iva, ħossok parti mill-familja ta’ Ġesu’, iġri lejH, u ħalliH jgħannqek. Ara il-bżonnijiet tiegħek, fid-dawl tiegħu, ħallih jgħinek tkun ħieles, ara x’qed iżommok nwaħħal, kompli miexi b’tama. Għal Alla m’hemmx fullstops, hemm biss comas, b’ħafna ittri ta’ mħabba fis-sentenza.