Id-Disgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Agħtu lil Alla dak li hu ta’ Alla u lil Ċesare dak li hu ta’ Ċesare”. Kemm hu ntelliġenti dan Ġesu’ li jrodd lil kulħadd dak li hu tiegħU. Aħna, pero’ mhux dejjem daqshekk intelliġenti, għax lil Ċesare spiss nagħtuh dak li hu tiegħu, dejjem bit-tama li nieħdu xi ħaġa lura jew għallnqas li jtina daqskemm tajnieh, imma lil Alla, nħalluh b’idu fuq idu. Anzi, spiss nispiċċaw nemmnu li Alla ser joħdilna xi ħaġa.

Ċesare dak li hu tiegħu jaf jieħdu. Il-mistoqsija li għamlu dawn l-għedewwa lil Ġesu’ ma treġiex. “Għadna nħallsu t-taxxa lil Ċesare”? Mhux ovvja li iva. Ċesare, żgur mhux forsi, ma kienx se jħallihom ma jħallsuhiex. Imma Alla jħallik ma tħallasiex u ma jagħmillek xejn; int tkun qed tonqos li tieħu dak li qed joffrilek, imma mhux Hu jkun qed jonqos li jtik dak li hu tiegħek. L-iskop tiegħu mhux li int tħallas xi ħaġa imma li jħallas hu.

Araw naqra x’ jgħid San Pawl f’waħda mill-isbaħ frażijiet tiegħu: “Hassar il-kont tad-dejn li kellna bl-obbligi li kien hemm kontrina; neħħieh min-nofs u sammru mas-salib”. (Kol 2).

Jekk lil Alla ntuh dak li hu tiegħU, aħna mmorru minn fuq. Hemm affarijiet li Ċesare qatt ma jista’ jtik anke jekk tħallas it-taxxa. Meta tagħti lil Alla dak li hu tiegħu, Hu jagħtik kollox: il-liberta’ ta’ wlied; l-imħabba sinċiera lejn l-aħwa; ferħ issa u għal li ġej; is-sens veru tal-eżistenza; il-maħfra ta’ dnubiet; mod kif tgħix it-telfiet tal-ħajja u fuq kollox Il-Vanġelu ta’ Ibnu; il-mewt u l-qawmien tiegħu. Is-Sid tal-ħajja bħal f’mera’ jagħtik li tagħraf lilek iniffsek u ssir taf il-liberta’.

Ċesare dejjem għandu limiti; ma jispjegalekx l-għala u l-kif tal-ħajja. Ma jtikx raġuni għaliex il-ħajja u għaliex il-mewt. Ma jagħtikx sens u ma jifdix it-tbatija. Ma jtikx il-veru ferħ. Dan Alla kollu jagħtih, kemm jekk tħallas, kemm jekk ma tħallasx. Jekk tagħti lil Alla dak li hu tiegħU, fl-aħħar mill-aħħar jagħtik lilU nniffsu.

Iva, Ċesare ħaqqu dak li hu tiegħu, u huwa sewwa li ntuh dak li hu tiegħu, imma niftakru li Ċesare mhux Alla, u Alla fuq Ċesare. Hekk qalu l-ewwel appostli b’kuraġġ u determinazzjoni kbira: “Jeħtieġ nobdu iktar lil Alla, milli lill-bnedmin”.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem