Il-Ġisem u d-demm tal-Mulej

Niftakarni tifel żgħir, immur nixtri l-ħobż. Sakemm kont nasal id-dar dik il-povra ħobża kont indamdamha, kien jirnexxieli nagħmel minna mina; innaqqar u nnaqqar sakemm nispiċċa niekol il-qalba kollha. Ommi ma tantx kienet tieħu gost; imma jien iva! U ngħiduha kif inhi; qas il-ħobża qatt ma qaltli li ddejqet.

X’realta’ fraġli din l-imbierka ħobża. L-oriġini tagħha ukoll huma fraġli ħafna; ħabba li tmut, qamħ li jintaħan. Dak kollu li jitwieled mill-art jitwieled minn ħamrija mkissra. U Ġesu’, bħal dejjem juża realtajiet dgħajfa biex jagħmel ħwejjeġ kbar.

Is-sagrament tas-sagramenti jitwieled mill-ħobż, f’realta’ mkissra. Is-sagrament tal-Ħajja Nisranija jitwaqaf f’komunita’ tassew fraġli; tradituri, giddieba, gozz nies ġifa. Ġesu’ jaf li proprju fejn l-iktar hemm fraġilita’ li l-iktar ser joħroġ frott. “Fejn kotor id-dnub kotrot fuq li kotrot il-grazzja jgħid San Pawl”. Ġesu’ jaf li ħajtu tintaħan fuq is-salib għal nies ingrati, li ma kienux jagħrfu a minn b. Komunita’ li tehda tfittex minn fosthom huwa l-ikbar, li ma tifhimx is-salib. Ġesu’ b’realta’ sempliċi jwassalhom għall-għarfien li jirbaħ min jitlef, li joħloq min imut, li jgħaqqad min jinqasam.

U illum għadu hekk ukoll. Il-komunita’ li tikkonsagra l-ewkaristija hija komunita’ fraġli magħmula minn bnedmin fraġli. Komunita’ li tagħraf il-fraġilita’ tagħha, imma tagħraf ukoll li Alla fiha, biha u permezz tagħha tagħmel ħwejjeġ kbar. Forsi mnalla aħna fraġli, għax kieku qatt ma naslu nindunaw li għadna bżonn salvatur; naħsbu li d-dinja ħa nsalvawha bl-isforzi tagħna biss! X'ħin tinduna li għandek bżonn salvatur tibda tfieq.

Meta nagħrfu l-fraġilita’ tagħna naslu nifhmu li għadna bżonn ngħixu biH li sar xejn. Fil-kobor tiegħU nagħrfu –ċokon tagħna, u fiċ-ċokon tagħna il-kobor tiegħU. “O x’kobor fiċ-ċokon” – “O umilta’ sublime, o Sublimita’ umile” jikteb San Franġisk t’Assisi.

U int kull darba li tkun għarkubbtejk quddiemu titgħallem issir umli. Titgħallem “taħli l-ħin” u hu dak il-ħin f’għajnejk moħli jsir grazzja għall-issa u għall-Eternita’. Dak il-ħin quddiemu jagħmlek offerta li tingħata. Bħalu int issir xejn biex fiH issir kollox; u mhux biss int, ta’ madwarek jgħixu minnek! Int tgħix biH, u ħaddieħor jgħix bik.

Allura tibżax! Mir-realta’ spiss mkissra tiegħek Alla jrid jagħmel il-frott. Int għodda magħżula f’idejH. Ftakar li qatt m’int dehen tiegħU imma fuq is-Salib hu qarribek lejn Alla. Dan li qed niċċelebraw illum huwa il-ġisem li jingħata; id-demm li jixxerred. U għaliex jixxerred? Ngħiduha kuljum: “Għall-maħfra ta dnubiet”. L-Ewkaristija, kif jgħallem Papa Franġisku “Mhix prempju għat-tajbin, imma qawwa għad-dgħajfin, għall-midimbin”.

Buona Festa!