Il-Ħamsa u Għoxrin Ħadd ta' Żmien ta' matul is-sena

 

Kieku din il-ġrajja seħħet illum, kieku dawn il-qaddejja kienu jispiċċaw imorru għand l-Union, u ngħiduha kif inhi mal-ewwel daqqa t’għajn ma ttihomx tort. Imma mhux tal-istess ħsieb huwa s-sid li joħroġ ifittex in-nies għax-xogħol. La hu qed jipprovdi x-xogħol, jieħu d-dritt tiegħu li jħallas kif jixtieq. Fih ma nsibux għelt għax żamm il-kelma li fl-aħħar tal-ġurnata jħallas b’ dinar.

Imma din il-ħaġa xejn m’għoġbithom lill-ħaddiema. Pretendew iktar. Msieken, insew li kien propju dak is-sid ta’ qalb tajba li ħelishom mill-qagħad, kien hu li tahom il-grazzja tax-xogħol. Issa li ħadmu tul il-jum bdew jaħsbu li l-opportunita’ li jaħdmu kienet mertu tagħhom. Insew li kieku ma kienx għas-sid kienu jispiċċaw jittantaw x-xemx għaddejja il-ġurnata kollha. Insew li s-sid kien raġel li jżomm il-kelma, għax daqs kemm ftiehem magħhom, daqshekk tahom. Ġralhom hekk għax ikkonċentraw fuq dak li ġie mogħti lil ħaddieħor, raw li kien iżjed u nsew il-grazzja li ngħatat lilhom.

Kemm jista’ jiġrilna hekk lilna. Kemm naqgħu fl-iżball li naħsbu li Alla jirraġuna eżattament kif nirraġunaw aħna. Bil-lenti tagħna faċli nakkużaw lis-sid bħala nġust jew diskriminatorju, u jaħarbilna l-fatt li s-sid huwa biss qalbu tajba. Kemm drabi ngħidu li Alla nġust, meta missna ngħidu li hu qalbu tajba? Il-ġustizzja tal-bniedem, hija tarġa għolja fl-umanizzazzjoni tal-umanita’ imma mhix l-għola triq. Alla jindika ingredjent ieħor biex il-ġustizzja umana tersaq lejn il-perfezzjoni – il-ħniena.

Mill-banda l-oħra kemm drabi jiġrilna li aħna rridu li tintwera ħniena magħna u ngħiru għall-ħniena li tintwera’ ma’ ħutna? Kemm jista’ jiġrilna li għax issa ilna ngawdu mill-laqgħa ma’ Ġesu’ naraw lil min għadu jibda bħala inqas minnha? Kemm jiġrilna li nostakolaw lil min għadu kif jibda: “mhux ser jgħallem lilna” jew “dak twieled ilberaħ”.

Jiġrilna  ukoll li naħsbu li s-suċċessi tagħna huma biss frott tal-isforzi tagħna u ninsew li qabel kollox kien hemm il-grazzja t’Alla, anzi nippretendu li ħaddieħor jasal fejn wasalna aħna bir-rieda u l-isforzi tiegħu biss u arana noħolqu pressjoni żejda fuq min ikun?  Kull meta naħsbu li aħna l-awturi tas-suċċessi tagħna, nkunu qed nippreparaw ruħna għall-falliment, għax nkunu nsejna li aħna la aħna sid l-għalqa u anqas qed nipprovdu x-xogħol.

Allura ejjew nitolbu lil Sid il-ħsad jibqa’ hu is-Sid. Alla kapaċi jumiljana meta noħdulu l-għalqa, propju biex ifakkarna li jekk qed naħdmu għalih huwa biss bi grazzja tiegħu! J’ Alla fil-fond ta’ qalbna nkunu kapaċi ngħidu: “Aħna qaddejja battala, għamilna biss dak li kellna nagħmlu”.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem