Il-Ħmistax -il Ħadd ta'żmien ta' Matul is-sena

Niftakar meta konna żgħar, fl-iskola primarja jekk il-memorja tiegħi għadha tajba, kienu jagħtuna nagħmlu esperiment. Kienu jqabbduna niżirgħu fulu ġo vażett ilma. Wara ftit minn-dawn il-ħxejjex kienu jibdew jispuntaw l-għeruq. Xogħolna, ta’ studenti bravi li konna kien li noqgħosu nosservaw kif jikbru l-għeruq!

Ġesu’ fil-Vanġelu tallum ukoll jitkellem dwar l-għeruq. Mhux tal-fulu, imma tal-Kelma li tkun inżergħet fina. Il-Vanġelu, illum jistedinna nsaqsu kemm għadna għeruq fina. Kif ħa nkunu nafu kemm huma profondi l-għeruq tagħna?  Mill-frott li tħalli l-Kelma fina fi żmien il-għawġ.

Aħna minn dawk li malli jinqala l-għawġ ninsew malajr il-Kelma li tkun ħeġġitna, li tkun entużjażmatna? Meta nsibu min iħawwadna minħabba l-Kelma, kif inġibu ruħna? Naħarbu? Nibżgħu? Ngħidu li l-Kelma li smajna mhix vera?

Għadna ħafna xi jtellifna minħabba l-Kelma! Ħafna drabi l-istess soċjeta’ moderna tagħna, post-kristjana li tgħidilna li l-Kelma li smajna hija biss emozzjoni tal-mument, hija biss opinjoni li kienet torbot soċjetajiet tal-passat imma m’għandha x’tgħid xejn lis-soċjeta’ moderna jew post moderna ta’ żminijietna.

Il-Papa Benedittu jista’ jgħina nirriflettu dwar dan:

Fl-intervista li kellu ma’ Peter Sewald, li ġiet ppublikat fi ktieb ‘Dawl tad-dinja’ jgħid li ħafna mill-filosfi llum iżommu li l-bniedem ma jista’ qatt jasal għall-verita’. Il-Papa emeritu jkompli jgħid li jekk dan huwa il-kas allura il-bniedem ma għandu l-ebda qies li jista’ jimxi fuqu. Jkompli il-Papa: “Imbgħad wieħed ikollu joqgħod jara kif b’ xi mod jew ieħor ser jirranġa; imbgħad l-opinjoni tal-maġġoranza ssir bl-aħjar mod il-kriterju ewlieni li jgħodd”.

Aħna minn dawk li nemmnu li l-Kelma t’Alla hija Verita’ għall-kull żmien jew inkella nimxu mal-‘kelma’ tal-maġġoranza? Jekk aħna minn dawk li nżommu mal-‘kelma’ tal-maġġoranza, allura nistgħu inserrħu ruħna li l-Kelma ta’ Ġesu’ mhix ser taqlalna nkwiet. Nistgħu komdi komdi nibqgħu ngħixu il-psewdo fidi tagħna.

Jekk minn naħa l-oħra nżommu il-Kelma vera, il-Kelma ta’ Ġesu’ ejjew nlestu ruħna għall-inkwiet! Ejjew inlestu għall-martirju, jekk mhux dak tad-demm il-martirju ‘edukat’ kif qal Papa Franġisku fi 12 t’April tal-2016, meta wara li semma l-martirju tad-demm ta’ ħafna dixxipli ta’ Ġesu’ li jinqatlu mħabba l-fidi tagħhom f’Ġesu’ jsemmi martirju ieħor, u martri oħra. Jgħid Papa Franġisku: “dawk li jiġu ppersegwitati “b’mod edukat”, “bl-ingwanti bojod”, mingħajr demm, imma esklużi, u emarġinati, miċħuda lilhom il-liberta’ anke tal-objezzjoni tal-kuxjenza”!

L-għeruq tal-Kelma jingħaraf mill-frott; mill-frott li bih inżommu l-Kelma, mill-ferħ tal-Vanġelu li jgħammar fina, mill-mod kif inxandru din il-Kelma lis-soċjeta’ ta’ żmienna.

Aħna mistiedna nxandru l-Kelma, imma spiss jiġrilna li neħlu, u il-Vanġelu nneħħulu t-togħma, ma jibqax melħ li jmellaħ, imma isir melħ li ma jkun tajjeb għal xejn ħlief biex jintrema’ barra u jintrifes minn nies. Noqgħodu attenti li bin-nuqqas ta’ entużjażmu tagħna, nispiċċaw flok nentużjażmaw oħrajn għal Ġesu’ nispiċċaw nagħmlu mil-fidi tagħna opra neolitika, mużew li jurik biss era li għaddiet, fidi skaduta.

Ejjew nfittxu modi ġodda biex nevanġelizzaw. Ejjew ma’ nispiċċawx b’bażiliċi u knejjes kbar u sbieħ, imma vojta. Ejjew nitħeġġu għal Ġesu’ u nkomplu il-mixja tagħna wara Ġesu’. Ejjew ma nispiċċawx nfarfru biss il-gandlieri fil-knejjes tagħna, imma ejja ntarrju t-trab waqt li b’ferħ interrqu fit-toroq ta’ din il-ġżira li isimha sebbħietu il-Kelma t’Alla, u isimha sebbaħ il-Bibbja.

Il-Ħadd it-tajjeb