Għajjtu! 

L-għajjat kultant idejjaq, l-iktar jekk tkun tixtieq toqgħod naqra fis-skiet u ssib lil xi ħadd jgħajjat f’widnejk. Imma kultant l-għajjat fih il-gost tiegħu. Immaginaw naqra fil-grawnd tal-futbol jew waqt xi kunċert tal-mużika. Allura l-għajjat huwa sabiħ meta huwa espressjoni ta’ferħ! Illum il-Liturġija wkoll trid tgħajjat! Illum anke il-Knisja trid taghmel l-istorbju. Ilum il-Milied. Araw naqra xi tghid il-Liturġija. 

Fl-ewwel qari naqraw: 

“Ismagħha l-għajta! L-għassiesa tiegħek għollew leħenhom, ilkoll flimkien jgħajjtu bil-ferħ”! “Intom, ħerbiet ta’ Ġerusalemm, għajtu ilkoll bil-ferħ”.

Anke fis-Salm Responsorjali qrajna: “Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha, infexxu fil-hena, ifirħu u għannu”. “Għajtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-Sultan”. 

Anke fil-Vangelu qed jgħajjtu. Jgħidilna l-Evanġelista: Ġwanni ta xhieda fuqu meta għajjat u qal: “Dan hu li għalih għedtilkom: “jiġi warajja, imma hu aqwa minni għax kien qabli”.

Illum qed ngħajtu bil-ferħ għax Alla qed jgħidilna ċar u tond li hu l-Għimmanu- El; l-Alla magħna. 

L-Iben ta’Alla sar bniedem, jaf tajjeb dak kollu li nħossu aħna, jaf x’íġifieri tkun ferħan, tmur tieġ, tagħmel ikla mal-ħbieb. Jaf x’inhu is-suċċess, jaf x' inhi il-ħbiberija, jaf x' inhu il-falliment, jaf x' íġifieri ma jifmhukx, ma jħobbukx, jittraduk, joqtluk. Jaf, għax ġie fostna u għammar magħna. U x’ġie jagħmel? Ġie biex jurina li Alla hu magħna! Ġie biex jgħidilna li Alla tagħna kapaċi jifraħ magħna, kapaċi jibki magħna. Ġie biex isalvana mis-solitudni; li ġgħelek tħossok waħdek fil-maltempati tal-ħajja. 

Kemm –il darba jiġrilna li niltaqgħu ma’ xi ħadd importanti, jew għandu xi kariga għolja, imma fl-istess ħin ma jitkabbarx quddiemna u ngħidu: “Kemm jaf imur tajjeb man-nies, kemm hu dħuli, kemm mhux imkabbar, kemm jifhimna”. Alla tagħna hu dan kollu u iktar. 

L-Iben t’Alla gie jgħidilna “Aħbar sabiħa”. Tafu żgur li l-kelma “Vangelu” ġejja mill-Grieg u tfisser “Aħbar tajba”. L-Iben t’Alla ġie jgħidilna li meta nilqgħuh jagħtina is-setgħa li nsiru wlied Alla. Li hu jaf imur magħna, li jixtiqilna il-ġid.

Mela ejja ngħajjtu!!! Għaliex ngħajjtu?

L-ewwel u qabel kollox ejja ngħajjtu lilna nfusna. Għaliex? Għax nsibuha ferm bi tqila nemmnu li Alla huwa daqshekk qrib tagħna. Huwa ħafna iktar faċli li nemmnu li Alla huwa xi tirann milli imħabba. 

Huwa iktar faċli nemmnu li Alla mhux kuntent bl-affarijiet tagħna, donnu xi ħadd li jrid jisirqilna il-ferħ. 

Huwa faċli nemmnu li Alla huwa Alla tal-mirakli, u mhux Alla li jimxi u jbati magħna, u allura jekk ma jsirx il-miraklu li nixtiequ aħna, arana neħduha kontrih: “Għax ma jafx x’inhu jaghmel”. 

Hafna drabi lil Alla npenġuh biss bħala xi ħadd li joħonqilna il-liberta’, għax ma jħalliniex nagħmlu dik jew il-ħaġa l-oħra u ninsew, li Alla huwa bħal ġenitur għaqli li jħallina liberi, imma jixtieqna nagħzlu it-tajjeb biex nkunu ferħana, għax l-ewwel u qabel kollox jaqbel lilna. 

Ejjew ngħajjtu ulkoll għax id-dinja għanda bżonn tisma’ dan il-messaġġ ta’ ferħ u tama, ta’ paċi u ġid. Ejjew ngħajjtu biex nuru li tkun nisrani mhux xi ħaġa ta’dwejjaq, li tkun nisrani hija xi ħaġa sabiħa, li l-ħajja nisranija hi ħajja ta’ ferħ u mħabba. 

Jekk ma naslux ngħajjtu bħal Ġwanni il-Battista, jekk ma nifilħux ngħajjtu għax nistħu, ejjew inkunu bhall-Ġużeppi minn Betlehem, li bis-skiet tiegħu wassal lil oħrajn lejn il-veru ferħ. L-għemil tagħna jista’ jgħajjat iktar mil-kliem. 

Meta nemmnu li Alla tagħna huwa Alla tal-meravilji, li jista’ joħroġ il-ward mill-għollieq, li jista’ jagħmel triq fil-baħar, li jista’ joħroġ l-ilma fid-deżert, aħna wkoll inkunu nistgħu ngħajjtu bil-ferħ.

Mela ejjew aħna wkoll inkunu minn dawk in-nies li fuqhom il-Profeta Isaija jgħid: “Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn ta’min ixandar is-sliem, ta’ min iħabbar ir-risq, ta’min ixandar is-salvazzjoni”.

Il-Milied it-tajjeb