Il-Wieħed u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

“Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi”

Tafu x’inhuma il-props hux vera? Props huma dawk l-affarijiet li jkun hemm fuq il-palk biex joħolqu l-ambjent tax-xena. Ngħidu aħna jekk ix-xena ta’ reċta tirrikkjedi uffiċċju jintrama il-palk forma ta’ uffiċċju. Ċerti xeni huma faċli toħloqhom; għax huma simili għall-ħajja ta’ kuljum. Imma ngħidu aħna trid xena ta’ bosk, kif tagħmel? Żgur li mhux ser tmur taqta’ koċċ siġar u tpoġġihom fuq il-palk. Ikollok taħdem xi ħaġa simili għal siġra. U jekk tkun trid toħloq ambjent li fih il-blat x’tagħmel? Normalment tuża il-ġeblow; ittih forma ta’ blata u tiżbgħu b’kulur li jġibu qisu blat ta’ vera.

Pietru hekk kien, kien blata tal-ġeblow. Minn barra kien jidher qisu blata ta’ vera, minn ġewwa kien tal-ġeblow. Itik l-impressjoni li jekk taħbat miegħu ser titkisser int, imma fil-verita’ jitkisser hu. Kemm –il darba ma ġietux żewġ ma’ Ġesu’! Ġesu’ jsejjaħlu “xitan”, “bniedem ta’ fidi żgħira”, jiksru meta jipprova jiddefendih, jħabbarlu iċ-ċaħdiet li kellu jagħmel. Pietru huwa prużuntuż, fl-istess ħin sempliċi. Jixtieq juri li lil Ġesu’ jħobbu, imma kull darba jagħmel esperjenza tal-falliment tiegħu. Meta Ġesu’ jsaqsieh għat-tielet darba jekk kienx iħobbu, Pietru jħoss agħfsa ta’ qalb.

U Ġesu’, jibni il-knisja tiegħu fuq il-ġeblow! Xi ġmiel dan Ġesu’. Jibni mhux fuq il-qdusija tagħna, imma fuq dak li hu dgħajjef fina, fuq il-qdusija tiegħu. Għaddew is-snin, u ħafna drabi il-Knisja għadha tal-ġeblow, madanakollu Alla biha għamel ħwejjeġ kbar. Dgħajfa, u kultant għajjiena imma drabi oħra qawwija, tħeġġeġ u tqabbad il-qlub. F’dawn is-sekli kien hemm drabi fejn kienet blata ta’ vera, drabi oħra dehret tal-ġeblow, imma fejn l-aktar kienet dgħajfa l-iktar li ħarġet tilma bid-dija, għax hekk biss tifhem id-djufija tad-dgħajjef, meta tippreżenta ruħha dgħajfa u fraġli.

U Ġesu’ għadu l-istess, jibni fuq il-ġeblow, biex juri li l-qawwa ġejja minnu u mhux minnha. Biex juri il-qawwa tiegħu fl-aqwa tagħha sewwa sew fejn hemm id-dgħajjef u jsaħħaħ lil kull min hu nieqes mil-ħila biex ikun jista’ jixhed għalih.

Jien tal-ġeblow. Forsi anke int tal-ġeblow, mela nafu fejn hu postna...fil-Knisja!

Il-Mulej jagħtikom is-sliem

Il-Ħadd it-tajjeb