Il-Wieħed u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Agħfas fuq 'Jum il-Mulej' għall-Qari

Ajma ħej! X’shower kiesħa dan il-Vanġelu, u issa li t-temp beda jiffriska xi ftit, kulħadd jkun jixtieq shower naqra iktar fietla, imma dan il-Vanġelu huwa shower kiesħa tassew. Jekk jien li qrajtu, jekk int li smajtu ħassejtu fuqek bħal barmil silġ fl-eqqel tax-xitwa, tajjeb, irringrazzja ‘l Alla! 

Meta wieħed jaqra dan il-Vanġelu, jekk hu xi ftit jew wisq fil-verita’ miegħu nniffsu jinduna li anke hu inkoerenti; iġifieri dak li jgħid mhux dejjem jaqbel ma’għemilu.

L-inkoerenza ma tinkwetanix daqshekk, għax fil-verita’ kemm min jisma’ il-Vanġelu u kemm min jippriedkaħ, it-tnejn li huma jsibu ruħhom inkoerenti f’ħafna affarijiet.

Ninkwieta jekk dik l-inkoerenza ssir stil ta’ ħajja.

Ninkwieta jekk il-Vanġelu ma jibqax jisfida għall-konverżjoni la lil min jisimgħu u lanqas lil min jippriedkah.

Ninkwieta meta l-inkoerenza tiġi iġġustifikata.

Ninkwieta meta l-inkoerenza ta’ min ixandar il-Vanġelu ssir skuża tajba biex min jisimgħu ma jgħix dak li jkun qed jisma’. L-iskuża tkun: “Aħjar jara x’jagħmel hu/hi”. “Jekk ma jgħixux hu/hi, ser ngħixu jien?” Minn naħa l-oħra Ġesu’ huwa ċar ħafna: “Mela kull ma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn”. Ikollna nkunu sinċiera li ħafna drabi nużaw l-inkoerenza ta’ ħaddieħor biex niġġustifikaw l-inkoerenzi tagħna.

Ninkwieta meta min ixandar il-Vanġelu, ma jkunx qed ixandar fejn jixtieq jasal, imma jipprova jagħti l-impressjoni li hu wasal għall-idejali li qed jippriedka.

Ninkwieta meta min qed ixandar jinsa’ li hu f’mixja u jippretendi kważi b’obbligu li ħaddieħor jasal fejn hu għadu qas beda.

Kulħadd, kemm min ixandar u kemm min jisma’ irid jiftakar li għandu l-ġlidiet tiegħu. Kemm drabi, anki ġenituri jkunu jixtiequ xi ħaġa tajba mit-tfal tagħhom, imma jkunu jafu li f’affarijiet oħra huma għadhom qed jaqdfu. Dan pero’ ma jaqtalgħomx qalbhom li jixtiequ u jipproponu l-aħjar għall-uliedhom. Min ixandar il-Vanġelu jibqa’ obbligat ixandru għax waqt li qed ixandar mhux qed ixandar il-qdusija tiegħu (j’alla tkun hemm din ukoll), imma l-qdusija ta’Alla.

Il-problema tal-Fariżej kienet li naqsu milli juru lin-nies li huma ukoll kienu qiegħdin f’mixja, li huma wkoll kellhom bżonn konverżjoni, li huma ukoll kienu midimba. Dan ix-xogħol ħafna drabi kien jagħmlu Ġesu’ għalihom; jurihom quddiem kulħadd l-inkoerenzi tagħhom; li huma ma kienux qed jaraw.

Il-problema tal-Fariżej kienet li ma kienux qaddejja, imma riedu jwasslu n-nies għat-tajjeb billi jżidu kemm jifilħu liġijiet u preċetti biex josservahom. Il-qaddej jimxi miegħek fi triq anzi jkun ta’ spalla fin-nuqqasijiet tiegħek.

Li jagħmlilna kuraġġ hu li fil-Vanġelu nsibu Fariżej li jiksbu s-simpatija ta’ Ġesu’; Nikodemu u Ġużeppi minn Arimateja. Nikodemu jirbaħ lil Ġesu’ għax jurih li hu kien ukoll kien f’mixja. Ġużeppi ma jibżax joffri difna sabiħa lill-Imgħallem.

Kieku l-Fariżej, baqgħu jgħallmu dak li kienu qed jgħallmu, imma wrew li huma ukoll kienu dgħajjfa, li għandhom bżonn ta’ konverżjoni kieku żgur li kienu jiġbdu iktar is-simpatija ta’ Ġesu’. Kieku fehmu dak l-atteġġjament li l-quddiem, Pawlu, 'fariżew bin il-fariżej' kiteb: “...B’dan niftaħar jien, imma bija nniffsi ma niftaħarx ħlief b’dak li hu dgħajjef fija”, kieku kienu jkunu iktar kredibli.

San Franġisk t’Assisi huwa ċar ħafna dwar dan:

Biex, għalhekk, tista’ tiftaħar? Anki li kien tant jilħaqlek u għaref, u kellek il-għerf, u taf tfisser l-ilsna kollha , u tgħarbel il-ħwejjeġ tas-sema b’tant sengħa, ma kienx ikollok biex tiftaħar; Għax anki jekk wieħed jirċievi mingħand il-Mulej għerf speċjali ta’ l-ogħla għerf, Xitan wieħed, jaf dwar il-ħwejjeg tas-sema, u  jaf aktar dwar il-ħwejjeġ ta’ l-art, aktar mill-bnedmin kollha.

Bl-istess mod, jekk inti aktar gustuz u għani minn kull wieħed ieħor, anki kieku kellek tagħmel il-mirakli u tagħmel li x-Xitan jaħrab: dawn il-ħwejjeġ kollha jkunulek ta’ ħsara, xejn m’hu tiegħek, u ma tista’ tiftaħar b’xejn b’dawn il-ħwejjeġ.

Imma nistghu niftaħru b’ħaġa waħda biss: b’dak li hu dgħajjef fina u li nġorru kuljum is-salib tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu. (Ammonizzjoni, 5)

J’Alla il-Mulej jibqa’ jurina li aħna ilkoll Fariżej msejjħa għall-koverżjoni u nagħmlu xi ħaġa konkreta biex nimxu fi triq it-tajba.