Bnedmin li joħolmu...

Matul dan iż-żmien tal-Avvent, fejn aħna qegħdin nippreparaw ruħna għal Milied, fil-Knisja qrajna ħafna aħbarijiet interessanti, li jqajmu l-interess, aħbarijiet sorprendenti. Ma qrajniehomx biex ikollna fuq xiex nitkellmu, biex ikollna xi ħaġa xi ngħidu għand tal-ħanut, imma biex niskopru u nsiru nafu li Alla tagħna huwa Alla tal-meravilji, Alla tas-sorpriżi, Alla li l-ħsieb tiegħu jisboq bil-ferm dak taghna.
 

F’dan l-Avvent il-kronaka liturġika, biex ngħidulha hekk, laqqgħetna mal-ġrajjiet ta’ ħafna persuni li f’ħajjithom ġratilhom xi ħaga speċjali. Illum niltaqgħu ma’ wieħed minnhom li jġib l-isem ta’ Ġużeppi.

Dan il-bniedem fil-Vanġelu lanqas biss ilissen kelma waħda imma is-skiet tiegħu itarrax u jifqa’ l-widnejn. Ġużeppi ġratlu biċċa tinkiteb. Il-mara li jħobb ħarġitlu tqila u l-unika ħaġa li jaf hi; li hu mhux l-awtur ta’ dik it-tqala. Ta bniedem ġust li hu jiddeċiedi li jieħu ġustizzja, imma b’mod tassew erojku. Ġużeppi jiddeċiedi li ma jxandariex man-nies. X’kapolavur ta’ bniedem. F’moħħu ċert li l-mara li jħobb naqsitu fid-dinjita’ tiegħu imma hu ma jonqosiex fid-dinjita’ tagħha. U aħna? Kemm għadna minn din il-kwalita’ ta’ Ġużeppi? Kemm nieħdu gost inxandru d-dnubiet tal-oħrajn? Min jaf x’ikun dak is-sodisfazzjon li bħall donni nieħu pjaċir inbaxxi lil min naqas. Arana ngħidu: “lilek biss ħa ngħid”! U jkun jaf kulħadd. Li tieħu azzjoni biex il-ħażin ma jsirx, hija ndispensabbli, iżda ma jfissirx neċessarjament li tbaxxieħ fid-dinjita' tiegħu.

Ġużeppi, u ma nagħtuhx tort għall-ewwel ma setax jifhem il-misteru li kien qed jinħema f’Marija. Imma anke jekk Ġużeppi ma jifhimx, il-misteru baqa’ jifforma għax kien ta’ Alla. Kull meta Alla jkun irid xi ħaġa minn xi ħadd joħloq fih misteru, u jifmuh jew ma jifmuhx l-oħrajn il-misteru jkompli jikber u jifforma sakemm jitwieled u jbiddel madwaru. Forsi mhux hekk għamel Alla ma’ nies li nafuhom jew smajna bihom bħal Madre Tereża, Chiara Lubich, Franġisk t’Assisi, Dun Ġorġ Preca, Massimiljanu Kolbe u ħafna u ħafna oħrajn. Għalhekk nitolbu biex Alla jagħtina d-dehen nirrispettaw u nħobbu dak il-misteru li Alla jnibbet fi bnedmin ħutna li jkunu qed joħolmu il-ħolma ta’ Alla. Ġużeppi ukoll joħlom il-ħolma ta’ Alla u jipparteċipa ma’ Marija fiha.

Kemm għadna bżonn nies li joħolmu il-ħolma ta’ Alla llum (bħal dejjem). Nies bħal dawk li semmejna hawn fuq li waslu ħafna iktar ‘l bogħod milli waslu dawk li l-ħolma t’Alla fihom ma pparteċipawx fiha. Forsi ma jiġrilniex kultant li biex nagħmlu dak li dejjem għamilna, nieqfu noħolmu?! Jekk taqra ftit il-bijografiji ta’ dawn in-nies li semmejna u oħrajn bħalhom tinduna li d-dinja nies bħal dawn għandha bżonn; li jwelldu lil “Alla magħna”. 

Jisemma “Għimmanu-el” qrajna. X’ferħ jġibu dawk in-nies li kapaċi jwelldu lil Alla fid-dinja. Aħna drajna ngħidu Alla magħna, imma kemm tassew irriduh magħna? Kemm tassew toġgħbna l-preżenza tiegħu u l-wegħdiet ta’ liberta’ li jgħamlilna? Kemm –il darba nsibu ruħna rriduh magħna sakemm ma jtellifx il-psewdo-ħelsien li ħlomna għalina u mponejnieh fuq ħaddieħor? Imbgħad arana nkunu minn tal-ewwel li nsaqsu fejn hu meta l-affarijiet ma jmorrux kif nixtiequ aħna. Jekk inħalluh ikun Alla magħna kapaċi jagħmel fina, bina u permezz tagħna il-meravilji, meravilji ta’ ħelsien, ferħ u paċi.

Maranatha

Ejja Mulej Ġesu’