Is-Sbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Naħseb ġieli ġratilkom li tliftu xi ħaġa u mortu l-għassa jew il-knisja u ssaqsu jekk kienx hemm xi ħadd li rritorna xi kartiera, nuċċali, ċwievet, mrewħa – l-aħħar tnejn huma l-iktar li jintilfu u jinstabu fil-knejjes – b’mod partikolari l-iktar famuża l-imbierka mrewħa. Kieku ħadd ma jiġi għalihom nistgħu nagħmlu kollezzjoni tal-imriewaħ – u żgur li tirbaħ l-imrewħa ta’ Lourdes!

Milli jidher fi żmien Ġesu’ ma kienetx il-prassi li jekk issib xi ħaġa ta’ valur teħodha l-għassa jew il-knisja. Milli jidher jekk issib teżor stajt iżommu għalik. Infatti is-Saltna tas-smewwiet hija mxebbħa ma’ “teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa”.  

Ma tantx hemm fejn ddur mal-lewża dwar dak li qed jgħid Ġesu’. Il-Vanġelu ta’ Ġesu’ huwa mqabbel ma’ teżor moħbi f'għalqa u ma’ perla preżżjuza. Wieħed meta jsibhom, jżommhom għalih, iħarishom biex xejn u ħadd ma jeħodomlu.

Tajjeb insaqsu jekk aħna sibniehx dan it-teżor. Jekk sibnieh suppost nħossuna bħal dak ir-raġel li sab it-teżor fl-għalqa: “kollu ferħan”. Jekk sibna il-perla prezzjuża suppost hdejha ma joqgħod xejn: “mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha”. Tajjeb insaqsi  jekk l-Vanġelu huwiex it-teżor tiegħi? Nħossni ferħan li iltqajt ma’ Ġesu’? Nemmen li ħadd u xejn ma joqgħod ħdejn dan it-teżor? Kemm il-ġrajjiet li ngħix u l-emozzjonijiet li nħoss nħallihom jiġu mdawwla mill-Vanġelu? Ir-risposta hija waħda faċli. Ħafna drabi insibu li l-Vanġelu, ma jtiniex ferħ u il-perla faċli nbiegħuha għal ftit flus.

Kemm jista’ jiġrilna li t-teżor ikun taħt għajnejna imma nibqgħu nagħqdu fl-istess rokna ħamrija? Kemm jiġrilna li npoġġu iktar l-attenzjoni tagħna fuq l-għalqa u ninsew li fiha hemm teżor? Mhux faċli nkunu imbid ġdid f’damiġġjani ġodda. Mhux faċli li mil-ħażna tagħna noħorġu kemm il-ġdid, kif ukoll il-qadim. Kemm neħlu fi tradizzjonijiet li m’għadx għandhom it-togħma tal-Vanġelu, u niġġustifikaw ruħna bl-iskuża li: “dejjem hekk sar”. Kemm noqtlu l-Ispirtu li huwa Spirtu dejjem ħaj u kreattiv!

Dan mhux il-kliem ta’ żgħażugħ idealista, imma ta’ raġel xiħ ta’ 80 sena li għoġbu jikteb kitba bit-titlu ta’ “Il-Ferħ tal-Vanġelu”. F’mument minnhom jikteb hekk:

Bil-ġdid tiegħu, hu jista’ dejjem iġeddilna ħajjitna u l-komunità tagħna, u anki jekk ikollha tterraq qalb żminijiet mudlama u dgħufijiet ekkleżjali, il-proposta Nisranija ma tixjieħ qatt.  Ġesù Kristu għandu wkoll il-ħila jfarrak l-iskemi medjokri li fihom nippretendu li għandna nagħlquh u l-ħin kollu jissorprendina bil-kreattività divina tiegħu.  Kull darba li nfittxu li nerġgħu lura għall-għajn biex insibu mill-ġdid il-freskezza oriġinali tal-Vanġelu, jitfaċċaw toroq u metodi kreattivi ġodda, xejriet oħra ta’ espressjoni, sinjali iżjed elokwenti, kliem mimli b’tifsira mġedda għad-dinja tal-lum.  Fir-realtà, kull azzjoni awtentika ta’ evanġelizzazzjoni hi dejjem “ġdida”.

Forsi ndunajtu min hu! Jekk le, nippreferi nħallikom bil-kurżita’. Aħfruli :)

 

Il-Ħadd it-tajjeb!