Is-Sebgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Intrabtu magħha u saru huma il-padruni. Għal darba oħra nsew min huma; li huma ma kienux is-sidien tal-għalqa, imma biss ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli. Fil-kilba li kellhom li jirtu l-għalqa insew ħafna affarijiet:

* Kemm kien tajjeb is-Sid. Lil għalqa tad-dwieli “tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri”. Li kieku ftakru naqra bl-liema attenzjoni ħa ħsieb l-għalqa tad-dwieli kieku malajr kienu jifmhu li la kien daqshekk qalbu tajba ma’ għalqa, daqshekk ieħor kien ser ikun qalbu tajba magħhom. Żgur li kien ser ikollhom sehem mill-frott tal-għalqa.

* Is-Sid wera’ fiduċja kbira fihom li afdalhom l-għalqa għażiża tiegħu.

* Li l-frott ma kienx tagħhom imma tas-Sid.

Imsieken saru padruni ta’ xi ħaġa li ma kienetx tagħhom. Intrabtu iżżejjed magħha, mhux biex jieħdu ħsiebha, imma biex jieħdu xi ħaġa minnha.

Kemm jiġrilna hekk lilna. Alla jafdalna xi ħaġa u dik il-ħaġa nagħmluha tagħna. Ħafna drabi ma’ Alla hekk nirraġunaw. Għal kull ħaġa li jtina flokk nirringrazzjawh ngħidulu: “Dik tiegħi”! Nippretendu li nsiru padruni aħna, meta aħna biss kuraturi jew amministraturi. Ninsew li kollox huwa don! 

Kemm jiġrlilna li nintrabtu mal-affarijiet tiegħU u mhux miegħu. Kemm ninsew li Alla ma jrid joħdilna xejn. Żġur li f’dan il-mument li qed taqra jew tisma’ dan il-ħsieb qed taħseb f’xi ħaġa li int għamiltha ikbar minn Alla, qed taħseb f’xi ħaġa li ma timmaġinakx tgħix mingħajra, qed taħseb f’xi ħaġa li tibża’ li Alla jista’ jeħodlok.

Imma Alla ma jrid jeħodlok xejn; irid biss jgħinek tifhem li dik il-ħaġa; persuna, storja, esperjenza, falliment, ferħa, tkun isbaħ meta tkun tiegħu milli meta tkun tiegħek.

F’waħda mill-isbaħ omeliji tiegħu Papa Benedettu XVI kien tkellem propju li Alla ma jrid jeħdilna xejn imma jagħtina kollox. Fil-bidu tal-ministeru tiegħu kien qal hekk Benedettu XVI:

F’ dan il-mument il-memorja tiegħi tmur lura lejn it-22 t’Ottubru 1978, meta Papa Ġwanni Pawlu II kien beda l-ministeru tiegħu fi pjazza San Pietru. Illum, u dejjem, jidwu f’widejja l-kliem tiegħu: “Tibżgħux, iftħu, anzi iftħu beraħ il-bibien għal Kristu”! Il-Papa kien qed ikellem lill-qawwija, lis-setgħanin tal-art, li kellhom il-biżgħa li Kristu seta’ joħdilhom xi ħaġa mill-poter tagħhom, li kieku ħallewh jidħol u jagħtu l-liberta’ tal-fidi. Iva, żgur li kien joħdilhom xi ħaġa: Id-dominju tal-korruzzjoni,it-tħarbit tad-drittijiet...Imma ma kien ser joħdilhom xejn minn dak li għandu x’jaqsam mal-liberta’ tal-bniedem, mad-dinjita’ tiegħu, mill-bini ta’ soċjeta’ ġusta.

Il-Papa kien qed ikellem ukoll lill-bniedem, b’mod partikulari liż-żgħażagħ. Forsi aħna ilkoll m’għadniex il-biżgħa – li jekk inħallu lil Kristu jidħol fina – jekk ninfetħu għalih – biżgħa li hu jista’ joħdilna xi ħaġa sabiħa minn ħajjitna? M’għandniex forsi il-biżgħa li nitilfu xi ħaġa kbira, unika, li tagħmel il-ħajja hekk sabiħa? Ma nirriskjawx imbgħad li nsibu ruħna fin-niket, u mċaħħda mill-liberta’? Għal darb’oħra il-Papa ried jgħid: Le! Min iħalli lil Kristu jidħol fih, ma jitlef xejn, xejn – assolutament xejn minn dak li jagħmel il-ħajja libera, sabiħa u kbira. Le! F’din il-ħbiberija biss jinfetħu beraħ il-bibien tal-ħajja...

Għalhekk illum, jien irrid, b’ qawwa u b’konvinzjoni kbira, ngħid lilkom żgħażagħ, wara l-esperjenza ta’ ħajja personali twila: Tibżgħux minn Kristu! Hu ma jeħdilkom xejn, imma jagħti kollox. Min jingħata lilu, jirċievi għal mitt darba. Iva, iftħu, iftħu beraħ il-bibien beraħ għal Kristu – u jkollkom il-ħajja.

Ejjew nemmnu li jekk is-Sid jiġi għal frott lilna mhux ser iħallina b’idejna f’idejna!

Il-Mulej jagħtikom is-sliem