Is-Sitta u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Agħfas fuq l-istampa għal-Qari 

Il-ġusti dejjem ikollom problema ikbar biex jidħlu fis-saltna tas-smewwiet. U propju huma dawn li fil-Vanġelu kellhom bosta problemi ma’ Ġesu’. Msieken huma, u msejknin aħna jekk quddiem Alla nippretendu li aħna ġusti. Ħafna drabi minn jaħseb li hu ġust jibda jbati minn ċerti kundizzjonijiet; jibda jaħseb li għax bħalissa ġust, għandu xi garanzija li ser jibqa’ ġust dejjem. Jista’ jkun ukoll li ma jasal qatt jammetti li hu dgħajjef minħabba l-istatus li waħħlulu ma’ daru li jrid ikun perfett dejjem, tajjeb f’kollox u qaddis il-ħin kollu. Jista’ jiġrilu wkoll li fil-pubbliku jaħbi kull sens ta’ umanita’ għax ‘suppost’ irid ikun anġlu u jinsa’ li qabel ma huwa ‘anġlu’ huwa bniedem.

Ġesu’ lin-nies ġusti jikxfilhom dnubhom. Ipoġġihom fuql-istess livell ta’dawk li skond huma ma kellhomx jidħlu fis-saltna ta’ smewwiet. Kemm-il darba ġab ruħu hekk mal-Fariżej; jakkużhom bid-dnub tagħhom. Għaliex, jista’ jkun li nsaqsu, donnu bla ħniena magħhom?

Min hu midneb pubbliku, jistħi u jaf li, la d-dnub tiegħu mhux mistur ser ikollu jagħmel xi ħaġa biex jirranġa pubblikament. Min jippretendi li dejjem fit-tajjeb, ma jafx x’inhi mistħija. U Ġesu’ propju għalhekk li jċanfarhom bi dnub tagħhom quddiem kulħadd, lill-imbierka Fariżej. Min jaf x’inhi l-verita’ tiegħu nniffsu jrattab qalbu u jipprova jirranġa. Min ma jafx lilu nniffsu jibqa’ jżomm li hu ġust, u flok jipprova jirranġa jibda jeħodha ma min ikkoreġih, u ma’ min jiżbalja juża biss il-kundanna u r-riġidita’.

In-nisa ta’ triq u l-pubblikani jafu li huma fraġli, jafu li jaqgħu, jafu il-verita’ dgħajfa tagħhom infushom u xħin jiltaqaw ma’ xi ħadd li mhux riġidu magħhom, jiftħulu qalbhom. Hu min naħa tiegħu jaf li jista’ jaħdem fuqhom għax m’għandhom xejn li jipproteġihom, huma dgħajfa u dan jafu kulħadd. Minn naħa l-oħra għal min saret abitudni jippreżenta ruħu bħala perfett diffiċli jinża dik l-immaġni.

Kemm hu mbierek dak il-mument fejn jien u int inkunu kapaċi ngħidu “aħna dgħajfa”. Alla wegħdna is-saltna tiegħu, imma l-prużunzjoni li nistgħu nidħlu fiha bil-ġustizzja tagħna iżżommna mili ‘l bogħod minna. Hija biss il-ġustizzja ta’ Alla (Kristu msallab) li ddaħħalna fiha, u dan il-pubblikani u n-nisa ta’ triq fehmuh. Hija prużunzjoni kbira li għax-xewqa tal-Missier ngħidu: “Arani sejjer”. Araw kienx hemm xi profeta li għas-sejħa ta’ Alla wieġbu “Arani sejjer”. Anke Marija staqsiet fejn ma fehmitx! U Isaija jasal jgħidlu: “Hawn jien, ibgħat lili”, wara li tnaddfulu xufftejh.

Mela ma nistennewx mill-bniedem dak li hu ta’ Alla. Il-bniedem jasal iva, imma wara mixja twila maġenb Ġesu’ bis-salib. Il-bqija huwa kollu prużunzjoni u inġenwita’.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem