Is-Sittax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Kif sirna hux? Dejjem tħossok osservat, tmur fejn tmur! Tista’ tkun fi triq, il-bandli, ħdejn il-baħar, quddiem dar, quddiem garaxx, kullimkien l-istess. Qabel kont tħossok osservat meta tgħaddi minn quddiem xi purtella għax timmaġina li xi ħadd minn warajha kien ikun qed iħares lejk. Kienet l-għaxqa tiegħi jien, meta kont żgħir ngħaddi minn quddiem il-purtella ta’ xi dar u nxejjer quddiem il-purtella, għax kont inkun naf li warajha hemm xi ħadd jittawwal. L-ikbar gost tiegħi kien ikun, li xħin ngħaddi jien u nxejjer, il-blinds jinqgħalqu f’ħeffa tal-għaġeb. Illum hekk ukoll, tħossok osservat kull fejn tmur. L-imbierka CCTV!

Kieku l-bidwi tal-parabbola kellu CCTV kieku mill-ewwel kien jaqbdu lil dak il-gustuż li żergħalu s-sikrana qalb il-qamħ “xħin in-nies kienu reqdin”. Kull ma kien ikollu jagħmel, il-bidwi kien ikun li jmur jara xi tkun ġibded ic-CCTV.

Forsi ma tkunx ideja tajba li aħna wkoll narmaw CCTV biex naraw jekk hemmx xi ħadd li f’ħajjitna qed jiżra’ s-sikrana. Kultant jiġrilna li għax m’għadniex CCTV nispiċċaw nindunaw tard wisq li xi ħadd ikun żergħa s-sikrana. Il-konsegwenzi jidhru wara, kif jgħidilna l-Vanġelu: “Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana”. Kemm jiġrilna li nindunaw tard wisq!

Tajjeb li nixgħelu ic-CCTV fuq fejn sejra s-soċjeta’ tagħna, imma ferm aħjar li nixgħelu l-cameras fuq fejn sejra qalbna.

Jekk qed tħossok dejjem irrabjat, ara naqra xi tkun irrekordjat il-camera ħa tara minn fejn bdew l-affarijiet u tilħaq tirranġa qabel ikun tard wisq.

Jekk qed tħoss li l-komunikazzjoni man-nies li tħobb dejjem sejra għall-agħar, ara naqra xi tkun irrekordjat il-camera ħa tara minn fejn bdew l-affarijiet u tilħaq tirranġa qabel ikun tard wisq.

Jekk qed tħoss li ċerti esperjenzi li bdew bi ħsieb tajjeb, anzi qaddis, imma issa qed jitbiegħdu mid-dawl, ara naqra xi tkun irrekordjat il-camera ħa tara minn fejn bdew l-affarijiet u tilħaq tirranġa qabel ikun tard wisq.

Tibżax tixgħela l-camera! Titnikkirx!

Tajjeb ukoll li anke jekk l-affarijiet sejrin tajjeb, xorta ixgħela l-camera, għax faċli li waqt li tkun rieqed, jiġi l-għadu u jiżra’ s-sikrana qalb il-qamħ.

Jekk l-affarijiet sejrin ħażin ħafna, xorta taqtax qalbek. Il-bidwi ma jneħħiex is-sikrana mill-ewwel, għax jibżgħa li magħha jqaċċat ukoll il-qamħ. Tgħid għalxiex jagħmel hekk? Għax il-bidwi jittama kontra kull tama, li qabel ikun tard wisq is-sikrana timbidel f’qamħ. Mela, nħarsu 'l quddiem, is-sikrana f'qalbna, bil-ħniena tal-bidwi tista' ssir qamħ.

Il-Ħadd t-tajjeb!