It-8 Ħadd matul is-sena

Agħfas fuq Jum il-Mulej għall-Qari tal-Quddies 

Wara li tisma’ dan il-Vanġelu faċli tgħid lil Ġesu’: “U ejja Ġesu’! Jidher li qatt ma kellek familja, ma kellikx inkwiet int! Kif tista’ ma tinkwetax?” F' dan il-Vanġelu Ġesu’ mhux qed jitkellem fuq l-‘inkwiet normali tal-ħajja’. Ġesu’ jaf x’inhi l-ħajja. Jaf x’iġifieri tinkwieta għal min tħobb. Ovvjament Ġesu’ anke minn dan it-tip ta’ nkwiet jixtieqna liberi,  billi nitgħallmu nħallu iktar f’idejH u nagħrfu naċċettaw li aħna m’għadniex is-soluzzjonijiet għall-problemi jkollha tal-ħajja, u lanqas it-tweġiba għall-kull mistoqsija. Jaf li f’ċerti mumenti ma nistgħux imbiddlu ċerti ċirkustanzi diffiċli, imma jaf li bil-qawwa tiegħu nistgħu nimbidlu aħna. Il-Mulej, għax iħobbna, u mhux għax qatt ma nkwieta jixtieqna nafdaw iżjed, jixtieqna liberi minn dak l-inkwiet li jipparalizzana.

F’dan il-Vanġelu Ġesu’ qed jitkellem fuq ansja partikulari – dik li tiġi meta ‘alla flus’ jieħu kontroll ta’ ħajjitna. Anke hawn jeżisti nkwiet differenti. Jista’ wieħed jinkwieta b’mod ġust dwar kif se jlaħħaq mal-esiġenzi tal-ħajja. Ġesu’ żgur jifhmu dan. Imma anke minn dan jista’ jixtieq jeħlisna. Jaf, li aħna meta ninkwetaw iżżejjed kif se nlaħħqu kapaċi nitilfu s-sens tal-ħajja. Meta’ jkollna ansja żejda fuq kif ser nlaħħqu kapaċi tant nikkonċentraw fuq dak li jonqosna li ninsew dak illi għadna. Arana ninkwetaw li m’għadniex flus u ninsew li għadna mara, raġel, aħwa, tfal, membri fil-komunita’ nisranija. Meta jiġri hekk, anke jekk mhux b’ħażen inkunu sirna skjavi ta’ ‘alla flus’. Regola tajba għar-rapport tagħna mal-flus hija din: Sakemm il-flus iservuk, jaqduk, hemm rapport tajjeb; meta inti tħossok qed taqdi lilhom, hemm sirt skjav. U kif tinħeles? Agħti!

Il-Mulej Ġesu’ jixtieqna ħielsa. Allura jitlobna nagħmlu pass ‘l quddiem minn dak li jwasslu il-mezzi tagħna. Hija t-tama li Alla jipprovdi. Ħafna drabi aħna ma nagħmlux esperjenza tal-provvidenza ta’ Alla għax propju ma jonqosna xejn. Irridu nistaqsu ukoll lilna nfusna jekk hux qed nippretendu iżżejjed. Jekk irridux iktar milli għadna bżonn. “Biċċa ħobż dejjem kilnieha”, kemm drabi smajt din l-espressjoni ta’ fiduċja u gratitudni!

Hemm ansja imbgħad iktar kattiva; dik l-ansja li tiġi li jien naħseb li iktar ma jkolli ġid iktar ser nkun ferħan; iktar ma nġemma, iktar ma naħżen, iktar ma’ nikber fil-flus, iktar se nkun seren. Hija dik l-ansja li ma tħallikx tara, li tnessiek li għandek aħwa, li tqanqlek iġġelled familji u saħansitra tisraq dak li mhux tiegħek jew saħansittra toqtol. Dan huwa d-dlam tar-ruħ. Ruħ li hi għamja biss fuq il-ġid tal-art, hija ruħ mejta. Ir-raba’ Vanġelu meta jirrakkonta t-tradiment ta’ Ġuda jgħid li kien daħal fih ix-xitan. Iva, daħal fih u għamieh. Jista’ jiġri lilna ukoll. Jista’ jiġrilna li nispiċċaw nemmnu li soċjeta’ tiffunzjona biss jekk għandha flus li ma jispiċċaw qatt. Soċjeta’ tiffunzjona tajjeb mhux biss skond kemm tiġġenera flus, imma skond il-valuri tagħha. Din hija tentazzjoni kbira, anke għad-dixxipli ta’ Ġesu’.

U Ġesu’ bħas soltu jrid jeħlisna. Irid jeħlisna mill-ansjeta’ tal-futur li toqtol. Min dik il-mistoqsija "Min jaf x'ser jiġri" li tiġġenera fina biżgħa li tipparalizza l-ferħ, li ddallam ir-ruħ. Ġesu’ qed isejħilna għal fiduċja, għall-abbandun totali kif jgħid Dun Ġorġ. Infatti jgħid Ġesu’: “U min minnkom, bl-inkwiet kollu tiegħu, se jseħħlu jtawwal għomru mqar b'jum wieħed biss?”. X’verita!

Ma ninsa qatt it-telqa li darba rajt f’wieħed mill-patrijiet tagħna. Niftakar kien qed jirrakuntali li l-Ġeneral tal-Ordni kien talbu jmur il-missjoni. Dan il-patri talbu xi ġranet biex jaħseb u jitlob. Dak il-lejl qam qabad karta bajda, iffirmha u mar impostha minn taħt il-bieb tal-Ġeneral. Filgħodu l-Ġeneral qam u saqsieh xi tfisser. Dak wieġbu: “Ikteb li trid fuq dik il-karta, jien ġa iffirmajt dak kollu li int ser tikteb”. X’liberta’! X’fiduċja! X’ħelsien! X’telqa! 

Mulej għallimna x’iġfieri l-veru ħelsien.