It-Tletin Ħadd ta' Żmien ta' Matul is-sena

Minn dejjem laqtitni il-kriżi li kellu San Franġisk fi żmien partikulari ta’ħajtu. F’mument minnhom San Franġisk kellu dubju jekk kellux jingħata kompletament lil Alla billi jinħeba f’postijiet ‘l bogħod mill-ibliet u jintilef kollu kemm hu fit-talb, jew inkella jingħata kollu kemm hu għall-predikazzjoni tal-Vanġelu. Franġisk isolvi din il-kwistjoni billi jieħu il-parir ta’ Fra Silvestro u Sorella Chiara. It-tnejn li huma jaqblu fil-parir li Alla ma kienx sejjaħlu għalih inniffsu imma għall-oħrajn ukoll. Infatti Franġisk ma jingħalaq fl-ebda kunvent, (anke għax dak iż-żmien kunventi ftit kien hemm!), imma jagħti ruħu għat-talb u għall-predikazzjoni; jfittex postijiet fejn jinħenba f’Alla bħal La Verna u Sacro Speco, u fl-istess ħin jiġri l-Italja kollha; f’xogħol mal-lebbrużi u jippriedka bla waqfien saħansitra jmur l-Eġittu jiltaqa’ mas-Sultan. Fir-Regola infatti jikteb kif il-patrijiet għandhom immorru fid-dinja ixandru il-Vanġelu. B’intelliġenza tal-għaġeb jikteb ukoll regola għal dawk li jixtiequ jgħixu ħajja iktar kontemplattiva u joħloq armonija bejn Marta (dik li taħdem) u Marija (dik li tisma’) billi l-aħwa li jkunu fl-eremitaġġi xi ġranet jieħdu l-irwol ta’ Marta, imbgħad jinbidlu u jieħdu dak ta’ Marija; hekk l-aħwa kollha setgħu jitolbu u jaħdmu.

L-istess kriżi kellu il-Beatu Charles de Foucauld. Infatti jikteb: “Mal-ewwel darba li kont qattajt żmien twil fid-deżert...ġietni x-xewqa profonda li nibqa’ hemm għal dejjem...iżda fil-qiegħ nett ta’ qalbi kien hemm dubju ħafif tal-kuxjenza: “Erġa’ lura’, qaltli l-kuxjenza. ‘Erġa’ lura’, qalli s-superjur tiegħi. “Int Karlu, f’dawn is-snin skoprejt l-Assolut ta’ Alla u nnamrajt miegħu. Issa trid tiskopri ssolut ieħor: il-bniedem”.

Dawn iż-żewġ persunaġġi fehmu li mod konkrett kif tħobb lil Alla huwa li tkellem lill-bniedem dwar Alla. Darba xi ħadd kien qalli: “Ma' Alla tkellem dwar il-bnedmin u mal-bnedemin tkellem dwar Alla”. Li titkellem mal-bnedmin dwar Alla huwa mod mill-iktar konkrett kif tħobbhom. Alla jonqos li jkun preżenti fil-fatti tal-bniedem meta jkun naqas li jkun preżenti fil-qalb u l-moħħ tal-bnedmin. U kultant, mod konkrett kif tħobb lill-bniedem huwa li tfakkru li jeżisti Alla. Hekk meta Alla jikber fil-moħħ u l-qalb tal-bniedem jikber ukoll fl-opri tiegħu.

Kemm –il darba tisma’ min jgħid li Alla mhux postu fis-soċjeta’, bħallikieku kien xi xkiel għall-liberta’ tal-bniedem jew għall-iżvilupp tagħha? Imma jekk jonqos Alla li hu tjieba, imħabba, maħfra, sliem, tama, hena, paċi x’jibqa’ fis-soċjeta’? Kull attentat li nneħħu l-imħabba lejn Alla fl-ambjenti tagħna huwa attentat kontrina nfusna. Mingħajru nibqgħu weħidna, nagħqdu f’xulxin! Għalhekk jibqa’ dejjem kmand assolut li n-nisrani jiżra’ f’qalb il-bniedem l-imħabba ta’ Alla biex forsi xi darba il-ħolma li Ġesu’ kellu fuq id-dinja li hu jsejħilha s-Saltna ta’ Smewwiet ssir realta’. Ejjew naħdmu biex inxandru lil dan Alla li jnissel t-tama u jkeċċi l-biżgħa. Hija stedina għalina lkoll li meta jkollna t-tentazzjoni minn ġewwa u minn barra li ma titkellmux dwar Alla, nwieġbu kif kienu wieġbu l-appostli lill-kapijiet tal-Lhud: “Għidulna intom, jekk hux sewwa quddiem Alla li aħna nisimgħu iktar minnkom milli minn Alla: għax aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna”. (Atti 4, 19-20).

Il-Mulej jagħtikom is-sliem