Iżjed minni...

Mhux kelma faċli din ta’ Ġesu’ llum. Ġesu’ jmiss żewg kategoriji essenzjali fundamentali u għeżież, normalmet għal kull persuna – l-omm, il-missier u l-ulied. Mall-ewwel daqqa t’għajn, donnu li Ġesu’ qed jonqos milli jirrikonoxxi l-imħabbiet fundamentali fil-ħajja. Imma fil-Vanġelu nsibu frażi li hija ċ-ċavetta ta kif nistgħu b’xi mod inpoġġu fil-prattika dan il-Vanġelu: ‘iżjed minni’.

Jekk għal Ġesu’, li tpoġġi l-imħabbiet fundamentali fil-ħajja ‘l fuq minnu hija xi ħaġa gravi, ejjew nimmaġinaw ftit kemm hija iktar gravi li nħobbu iktar minnu realtajiet inqas importanti mill-istess ġenituri u ulied. U huwa dan li spiss nispiċaw nagħmlu!

Huwa fatt li l-imħabba lejn il-ġenituri, jew l-ulied mhix xi forma ta’mħabba romantika. Din l-imħabba titlob impenn sħiħ. Kemm nisimgħu ġenituri jitkellmu u jgħidu: “Meta jkunu żgħar uġiegħ ir-ras, meta jikbru uġiegħ il-qalb”. L-istess tip ta’ mħabba teżisti bejn l-ulied u l-ġenituri meta dawn tal-aħħar jikbru. L-imħabba ta’ dan it-tip hija l-vera mħabba. Hija l-imħabba sakrifikali; li ssir sagrifiċċju. Mhix l-imħabba romantika, li tagħti u tirċievi, mhix l-imħabba tas-sensi li ġġiegħlek tħossok ħaj, mhix l-imħabba li permezz tagħha tirċievi mill-ewwel u fil-ħin dak li tkun tajt. Normalment hija mħabba li tirrikjedi dedikazzjoni, sagrifiċċju, impenn, nuqqas ta’ apprezzament u sodissfazzjon. Hija mħabba li ġġegħlek tmut biex ħaddieħor jgħix.

Allura, kemm hu faċli li meta nkunu msejħa inħobbu b’dan il-mod, niddeċiedu li nieqfu, naqtgħu qalbna, u nibdlu l-oġġett tal-imħabba tagħna ma’ imħabbiet iktar gratifikanti. Nergħu nsiru tfal li għadna bżonn il-ħin kollu lil xi ħadd li jfissidna biex nħossuna tajba. Mhux faċli tħobb meta l-imħabba ssir salib. Allura arana nagħżlu l-eħfef.

Jekk dan jista’ jiġri ma’ uliedna jew ma’ ommna jew missierna, kemm iktar jista’ jiġrilna mal-Mulej Ġesu’. Il-ħajja ma’ Ġesu’ mhix xi tip ta’ mħabba li trendi mill-ewwel, hija ħafna drabi mixja sa fuq il-kalvarju. Biex timxi wara Ġesu’ trid titħarreġ fil-fedelta’, frott ta’ ħafna waqgħat u qtiegħ il-qalb. Allura faċli li nagħżlu ħafna affarijiet oħra li jidhru iktar gratifikanti minn Alla, li għalina jidher wisq kajman.

Allura arana nħobb iktar il-prestiġju milli lilU, il-flus, il-popolarita’, l-attezjoni. Imma dawn kollha huma affarijiet li jagħtu, iva sodissfazzjon imma ma jħallux frott. Jagħtu pjaċir imma mhux il-paċi tal-qalb, jqisuna abbli moderni, imma mhux profondi. Jagħtuna sens ta’ liberta’ imma hija biss liberta’ tal-mument, li f’qasir żmien tagħmilna iktar imjassra minn qatt qabel.

Ġesu’ huwa ċar magħna, u huwa ċar biex ma niddeludux ruħna. Huwa ċar magħna u ma joqgħodx idur mal-lewża; biex tkun dixxiplu tiegħu trid terfa’ s-salib, li ovvjament ma jieħu qatt il-forma tal-aħħar moda jew l-aħħar xejra moderna ta’ ħsieb. Biex tkun dixxiplu tiegħu trid tħobb kull ħaġa oħra li mhix Hu, inqas minnu.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem