It-Tlieta u Għoxrin Ħadd taż-żmien ta' matul is-sena

Il-Komunita’ nisranija mhix banda ta’ nies puri li jgħinu lill- impuri, mhux grupp ta’ nies impekkabli li jfejjqu lill-povri midimbin. Fl-aħħar mill-aħħar kull nisrani f’ħajtu jagħmel esperjenza ta’ dnub u propju il-kruha ta’ din l-esperjenza u l-konsegwenzi tagħha li twassal lin-nisrani li jikkoreġi lil ħuh jew oħtu li waqgħu. Il-Komunita’ ta’ Gesu’ mhix magħmula minn qaddisin u midimbin, imma minn midimbin biss; min jaf li hu, u min għadu ma jafx lilu nniffsu biżżejjed li għadu ma ndunax bir-realta’ ta’ dnub li tgħammar fih.

In-nisrani għalhekk meta jikkoreġi lil ħutu jrid ikun dejjem mqanqal minn spirtu ta’ mħabba u ħniena. Qatt minn sens ta’ superjorita’ spiritwali.

Anke jekk in-nisrani jikkoreġi xi dnub li hu ma għamel qatt personalment jiftakar li għadu fiċ-ċans li jista’ jagħmlu. Abbli kieku kellu l-istess esperjenzi u sab ruħu fl-istess esperjenzi ta’ min dineb; kien jagħmel agħar.

In-nisrani li jikkoreġi jrid jżomm f’ moħħu li hu responsabbli tal-ġid ta’ħuh, kif ukoll tal-ġid tal-komunita’. Id-dnub anke jekk personali jaffettwa l-komunita’. Id-djufija umana ħafna drabi hija frott ta’ egoiżmu, u dan is-sentiment ma jħassarx biss il-persuna li taqa’ imma anke  r-relazzjonijiet fil-komunita’. Jekk xi ħadd ikun f’dgħajsa f’nofs ta’ baħar ma grupp ta’ nies u jtaqqab toqba fil-qiegħ tad-dgħajsa kollha jgħerqu!

Ġesu’ jurina biċ-ċar li rridu nagħmlu minn kollox biex ngħinu lil ħutna li waqgħu, jekk hemm bżonn nieħdu magħna lill-komunita’ kollha. Jekk ma jismax inqisuh bħala pagan u pubblikan…stenn stenn, basta ma nesaġerawx. L-istorja ma tispiċċax hawn! Żakkew u Mattew kienu pubblikani, iċ-Ċenturjun Ruman kien pagan…u sabu ħniena.

U bilħaqq ma mmorrux 'l bogħod...l-arti li tirċievi u tagħti korrezzjoni titgħallimha bl-aħjar mod man-nies li tgħix magħhom, tħakkek u timbarax magħhom ta' kuljum!

J’alla dil-ħniena nsibuha jien, int u kull min jagħmilha magħna.