It-Tmienja u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Agħfas fuq "JUM IL-MULEJ" għall-Qari tal-Quddiesa

Dan l-aħħar kont qed naqra ktieb fuq il-bżonn li fil-ħajja nħallu spazju biex nagħmlu l-affirijiet li jagħtuna nifs, li jgħinuna noħolmu u li jagħtuna dak iċ-ċans li nieħdu ftit ħsieb tagħna nfusna, biex hekk nkunu nistgħu naqdu u nservu aħjar, inkella jiġri li fi ftit żmien ‘ninħarqu’ u l-frott ta’ xi burnout tajba jkun li la nkunu kapaċi nservu ‘l Alla u lanqas lil ħutna l-bnedmin. Il-ktieb jippreżenta storja li mal-ewwel daqqa t’għajn tidher banali. Jippreżenta persunaġġ li sa minn ċkunitu jkollu x-xewqa li jitgħallem idoqq il-kitarra, pero’ minħabba ħafna mpenji jipposponi din ix-xewqa għal eta’ iktar matura; meta jikber jipposponi din ix-xewqa għal eta’ iktar avvanzata, jibqa’ sejjer hekk sa ma jasal fuq dik l-imbierka sodda tal-mewt. Meta jsaqsuh jekk kienx kuntent b’ħajtu jwieġeb: “Dejjem xtaqt nitgħallem lil-kitarra”.

Żgur li f’ħajjitna ilkoll għadna xewqat li s’issa baqgħu fil-kexxun, l-istess ħaġa tista’ tiġrilna ma’ Alla. Iva, jista’ jiġrilna li nibqgħu nipposponu x-xewqa li nkunu ta’ Alla għax bħan nies tal-parabbola ma nagħtux kas, immorru l-għalqa, immorru għan-negozju, u forsi wkoll lil min jistedinna nagħtu ftit ħin għal Alla nżebilħuh u ‘noqtluh’ minn ħajjitna.

Jiġru mumenti f’ħajjitna li permezz ta’ ċirkustanzi sbieħ jew koroh, Alla jkun qed iħabbat fuq il-qalb tagħna biex jistedinna mmorru għal-festa tat-tieġ ta’ Ibnu. Jista’ jkun li tiltaqa’ ma’ persuna li turik il-ġmiel li tagħti ftit ħin lil Alla f’ħajtek; jista’ jkun tmur funeral u l-kliem tas-saċerdot jew il-kwalitajiet tal-persuna li tkun mietet jnisslu fik ix-xewqa li tkun ftit aħjar; li tibda din l-avventura ma’Alla. Jista’ jkun tisma’ kelma, tara tbissima, xi ħadd jistiednek tibda tmur f’xi grupp ta’ formazzjoni u fik titnissel ix-xewqa għal ħajja iktar profonda, imma xħin toħroġ mill-knisja, xħin titlaq il-persuna li tkun tbissittlek jew stednietek għall-grupp, terġa’ tinqabad fil-ġirja sfrenata tal-ħajja ta’kuljum, tiltaqa’ mal-istess nies li jġennuk u x-xewqa tintefa’ minnufiħ bħal meta tixgħel xemgħa barra, f’riħ qawwi. Imbgħad ovvja li tinħaraq il-belt, kif tgħid il-parabbola, u magħha tinħaraq int ukoll!

Jista’ jiġri wkoll li tagħmel l-ewwel pass biex tmur għall-festa tat-tieġ, imma ma timpenjax biex tagħmel it-tieni wieħed li tilbes il-libsa tat-tieġ. Fi żmien Ġesu’, min imur għall-festa tat-tieġ, kien jingħata bħal mant li kien ifisser li hu qed jingħaqad mall-mistiedna l-oħra biex jifraħ magħhom. Kien hemm drabi fejn min kien jistieden kien jagħti wkoll lill-mistiedna fwejjaħ, kif ukoll post fejn joqgħod wara li tispiċċa l-festa tat-tieġ. Dan l-imsejken tal-parabbola qas jindenja ruħu jilqa’ dak li lilu kien qed jinagħtalu b’xejn.

Lilna jista’ jiġrilna hekk ukoll. Forsi jkollna xewqa żgħira li nibdlu l-istil tal-ħajja tagħna imma ma nagħmlux il-pass meħtieġ biex almenu naċċettaw il-grazzji li Alla jkun qed jibagħtilna. Niftakru, li kollox bi grazzja, li aħna ġejna salvati mhux bl-opri imma bi grazzja, imma l-grazzja tasal dejjem sal-bieb ta’ qalbna. Jekk naċċettawhiex jew le, jiddependi minnha. Jekk naċċetawha, irridu nkunu lesti li nimxu, naħdmu, nħabirku. Alla tagħna mhux Alla tal-magics! Itik il-grazzja, imma dik il-grazzja titlob impenn, kultant impenn serju ħafna. Anke min ikkonverta f’sekonda, jaf li l-impenn biex iżomm dik il-konverżjoni ma kienx wieħed faċli u ħafna drabi kien jimplika fallimenti u waqgħat. Spiss jiġrilna li ħafna drabi nikkonċentraw fuq kemm ser tiswielna ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla imma ninsew kemm din ir-relazzjoni ser tibdilna f’persuna sbieħ, ħielsa u ferħana.

Kemm jiġrilna li nkunu komdi fid-dlam tagħna li nafu milli fid-dawl li ma nafux. Victor Frankl, fil-ktieb tiegħu: “Man’s search for meaning” jirrakonta l-esperjenza tiegħu f’kamp ta’ Konċentrament fit-tieni gwerra dinija. Fost affarijiet l-oħra jirrakonta li meta ġew meħlusa minn dan il-kamp, kien hemm min li waqt li kien miexi ‘l barra mill-bieb tal-Kamp lejn il-liberta’ tant mixtieqa, ma felaħx għad-dawl tax-xemx u reġa’ lura lejn id-dlam tal-kamp. Ħasra hux?! Imma jista’ jiġri lilna hekk ukoll.

Ejjew ma nikkonċentrawx fuq kemm ser tiswielna li mmorru għall-festa tat-tieġ, imma fuq kemm ser nieħdu gost.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem. 

Tista' tħalli r-riflessjonijiet tiegħek hawnhekk

Nessun commento trovato.

Nuovo commento