Kontra l-kurrent

Uffiċċjalment beda s-sajf! Minbarra l-ġranet il-baħar, is-sajf f’pajjiżna jiftaħ ukoll l-istaġun tal-festi. F’ħafna mill-parroċċi tagħna niċċelebraw qaddisin martri. Min kienu l-martri? Kienu dawk li l-vjolenza ma kientx l-arma tagħhom, imma l-imħabba. Għall-imħabba u l-Verita’ tal-Vanġelu taw ħajjithom kollha sat-tixrid ta’ demmhom. Huma x-xhieda per eċċellanza tal-fidi mwettqa fil-prattika. Huma dawk li kellhom il-kuraġġ jirċievu l-libsa tal-magħmudija fil-festa tal-Għid minkejja konxji li f’qasir żmien setgħet issir ħamra bid-demm tal-martirju.

Ġieli nisimgħu, sfortunatament mhux biżżejjed li f’pajjiżi xi ftit jew wisq l’bogħod minna diversi nsara jxerrdu demmhom għall-fidi. F’diversi postijiet oħra fid-dinja, l-iktar fin-naħat tagħna, fortunatament m’għadniex martri tad-demm. Imma dan ma jfissirx li ma jeżistux forom oħra ta’ martirju; huwa l-martirju ta’ min, għax ixandar il-verita’u s-sbuħija tal-fidi nisranija jiġi rridikolat jew ħalqu magħluq. Għall-grazzja t’Alla, fin-naħat tagħna tad-dinja ssib komunitajiet u persuni li jgħixu l-fidi nisranija fir-radikalita’ tagħha. Dawn l-persuni faċli jiġu rredikolati jew meqjusa dejqa u antikwati.

Ġesu’, llum huwa ċar ħafna mad-dixxipli tiegħu. Jagħmilhom konxji li l-martirju huwa dejjem preżenti għal min jieħu bis-serjeta’ l-mixja warajh. Għandu kliem ta’ kuraġġ: “La tibżgħux mill-bnedmin...”.

Aħna, id-dixxipli ta’ Ġesu’ fi żmien tallum nafu li aħna għandna nkunu ta’ spalla, għajnuna, kuraġġ u ħniena għal kull min dineb, għal kull min is-sitwazzjoni personali tiegħu mhux bilfors u dejjem kienet, jew għadha koerenti mal-Vanġelu. Dan minħabba l-fatt li l-komunita’ ta’ Ġesu’ hija stess hi suġġett għad-dnub u l-infedelta’ lejn il-Vanġelu. Fl-istess ħin id-dixxiplu ta’ Ġesu’ ma jistax jibqa’ sieket quddiem forom ta’ dnub organizzati, quddiem forom espliċiti, li minħabba xi interess jew ieħor jġibu fix-xejn is-sbuħija tal-Aħbar t-tajba.

Biex ma nispiċċawx vittmi tal-martirju jista’ jiġri li nbiegħu l-fidi tagħna għal-ftit ċenteżmi; popolarita’, interessi ekonomiċi, mistħija. In-nisrani, kultant, quddiem l-verita’ tal-Vanġelu jispiċċa jibża’ jxandar għax jaf li hu ukoll ma jlaħħaqx mal-idejali li jipproponi. Jibda jemmen li biex ixxandar il-verita’ tal-Vanġelu trid tkun perfett. Imma l-verita’ hi, li mhux vera li biex ixxandar l- Vanġelu trid tkun qisek xi anġlu miexi fl-art. Kemm nies li qed isofru minn xi vizzju u djufija, ġenwinament ikunu jixtiequ li n-nies li jħobbu ma jgħaddux mill-istess jasar tagħhom. Dan ifisser li lanqas l-istess djufija tagħna m’għandha tbeżżgħana milli nxandru il-verita’. Inkunu iktar sinċiera jekk nammettu li l-Vanġelu huwa veru, u aħna minħabba rajunijiet varji mhux qed inlaħħqu ma’ dak l-ideal, milli nikkonkludu li dak l-idejal huwa gidba.

Jekk l-għixien tal-fidi tagħna ma jqanqal lil ħadd jisfidana dwar it-tama li hemm fina, allura jista’ jkun li qed ngħixu Vanġelu li mhux ta’ Ġesu’, imma vanġelu li aħna b’reqqa illimajna biex jidħol kullimkien u ma jiskomoda lil ħadd. Jista’ jkun li l-vanġelu tagħna huwa vanġelu magħluq ġos-sagristiji u fil-knejjes, vanġelu li mhux ħmira fis-soċjeta’ tagħna imma iktar ġabra ta’ kompromessi biex ma ndejqu lil ħadd u iktar minn hekk, biex ħadd ma jdejjaq lilna. Ġesu’ jibqa’ ċar: “Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut”.

Meta kont tifel u żgħażugħ spiss kont nisma’ din l-frażi: “Tibżgħux tmorru kontra l-kurrent”. Dan l-aħħar erġajt smajta, minn fomm Papa Franġisku u se nħallikom biha: “Alla jagħtina l-kuraġġ li mmorru kontra l-kurrent. Qed tisimgħu tajjeb, żgħażagħ, morru kontra l-kurrent; dan jagħmel tajjeb għall-qalb, imma jrid ikollna kuraġġ biex immorru kontra l-kurrent, u Hu jagħtina dan il-kuraġġ!”.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem