It-Tnejn u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

M’hemmx għalfejn nduru wisq mal-lewża. Pietru jaqlagħha u bil-kbir. Ġesu’ jsejjaħ lil Pietru, l-ewwel Papa “Xitan”. U għalfejn isejjaħlu Xitan? Għax qed jipprova jħawwad il-pjan ta’ Alla fuq Ġesu’. X’kien il-pjan ta’ Alla fuq Ġesu’? Imħabba li tfisser salib! Pietru kien qed ifixkel lil Ġesu’ li jagħmel ir-rieda ta’ Alla, ma riedux jaċċetta s-salib. Anke Ġesu’ is-salib ħassu iebes, imma quddiem is-salib Ġesu’ jitlob talba perfetta: “Jekk jista’ jkun Missier, ħa jitwarrab minni dan il-kalċi, imma mhux li rrid jien imma li trid int”.

X’talba! Kemm għadna bżonn nitolbuha. Ħafna drabi aħna nieqfu fuq l-ewwel biċċa tagħha. Is-salib ibeżżgħana, ma rriduhx, u dan huwa normali. Imma Ġesu’ ma jridniex normali, iridna evanġeliċi. Kemm pjanijiet nagħmlu! U imbgħad jitfaċċa s-salib u jħarbtilna kollox. U hawn jidħol Ġesu’ mhux biex ineħħi s-salib imma biex iġorru magħna. Ara qatt naħsbu li jekk ma nfiqux, li jekk is-salib ma jitneħħiex; dan ikun għax Alla ma semgħaniex jew għax tlabna ħażin. Il-fejqan huwa don, imma n-nisrani jmur ‘l hemm mill-fejqan fiżiku, jmur ‘l hemm mill-eliminazzjoni tas-salib. In-nisrani ma jfittix it-tbatija, imma meta tiġi fuq jħaddanha bil-ferħ.

X’qawwa għandha t-talba ta’ Ġesu’: “Ikun li trid int”. Kemm teħilsek, kemm tilliberak! Kemm jiġrilna li aħna rridu biss li tgħaddi tagħna, rridu biss l-imħabbiet tagħna, irridu biss is-suċess, imma kemm aħna msieken meta ninsew li ħajjitna mhix tagħna, hija biss mislufa lilna. Kemm niġġieldu kontra r-riħ, meta niġġiledu s-salib.

Iebes ħafna dal-kliem imma ejjew nemmnu tassew li fir-rieda ta’ Alla huwa s-sliem tagħna. Alla mhux ser jitkaża bina meta nonfħu, nibku, ngħajjew bis-salib fuq spallejna, irid biss iweżinna.

Erfa’ salibek u imxi warajh!