It-Tnejn u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Darba smajt storja ta’ xi ħadd li kien jibża’ jħalli flusu il-bank għax kien jaħseb li l-bank seta’ jfalli, allura kien iħaffer toqba fil-ħajt, jirrombla l-flus, jitfagħhom fiha, jagħlaqha u wara li jkun kaħħalha sewwa jerġa’ jiżbogħ il-ħajt u jorqod moħħu mistrieħ li qatt u ħadd ma kien ser jinduna fejn kellu l-flus moħbija, anqas il-ħallelin. Min ser jiġih f’moħħu li joqgħod iħaffer il-knaten biex fihom isib il-flus moħbija. Forsi l-ħalliel, miskin ma tantx kienet tiġih żewġ lanqas, la darba kien ikollu jħalli l-post bil-ġakketta mimlija żebgħa, ġaladarba il-ħajt kien dejjem fi stat ta’ “Wet Paint”. Insomma dan seħibna qal bis-sigriet tiegħu lil xi ħadd u rabtu li ma jgħid xejn lil ħadd. Dan obdih, ma xtaqx jiksirlu keltmu u jmur lura mill-fiduċja ta’ sieħbu. Ġara li għadda żmien, ir-raġel marad u miet, id-dar intirtet, twaqqgħet u l-ġebel intrema, bil-flus kollha fihom. Povru raġel, povru sieħbu, povri l-werrieta.

Il-biżgħa hekk tagħmel! Tipparalizzak. Tħossok komdu u moħħok mistieħ fejn int u tibqa’ hemm. Dawk li fil-parabbola kellhom ħames talenti u żewġ talenti rriskjaw, setgħu tilfu kollox imma ma beżgħux. Kienu qalbiena biżżejjed li jirriskjaw anke bir-riskju li jitilfu kollox. Żgur li s-Sid ma kienx ser jirrabja magħhom, almenu kien jara l-isforz tagħhom li ħadu riskju.

Hawn Ġesu’ żgur li mhux qed jitkellem fuq xi attvita’ ekonomika, fuq xi business, imma qed jitkellem fuq is-saltna t’Alla. Dan id-diskors mhux maħsub bħala xi propoganda biex tagħmel xi suċċess fil-business, imma biex tagħmel il-frott bid-doni li Alla tak fil-bini tas-Saltna tiegħu. Huwa diskors maħsub għal min irċieva xi don biex jibni s-Saltna tiegħu fuq l-art. Huwa maħsub għad-dixxipli tiegħu, għal-knisja.

Għax aħna fil-knisja spiss jista’ jiġrilna bħal dak li ħeba’ t-talent. Spiss nistgħu ninqabdu fit-tentazzjoni li nibqgħu nduru fl-istess roqgħa ħaxix, nippassiġġaw fuq il-passi tagħna stess u nduru u nagħqdu wara dembna. Faċli nibżgħu mill-inizzjattiva, u arana nikkritikaw lil xi ħadd li għamel xi ħaġa ġdida, saħansitra ngħidu li hu miġnun, li jrid jilgħaba tal-modern u nippruvaw nitfu l-ispirtu u l-entużjażmu li l-Mulej ikun żera’ fih. Il-Ġeneral tagħna spiss jirripeti: “Irrid patrijiet li jafu joħolmu”.

F’dal-mument qed niftakar f’ħija patri li dejjem kellu x-xewqa li jmur jgħix u jevanġlizza fit-toroq (wara kollox bħal San Franġisk, dak ma kellux ħafna kunventi!). Dan il-patri kien shock għall-komunita’ kollha; min ħasbu miġnun, min tħassru, min irridikolah, min bħali  u oħrajn li konna inwassluh minn fejn irid jitlaq u nistennewh bil-bżieżaq u l-ikel meta kien jiġi lura. Is-superjuri ħallewh u din kienet l-aħjar ħaġa li setgħu jagħmlu. Talbu miegħu, talbuh rendikont u attenzjoni imma bierkuh. Illum qed jagħmel ħafna ġid f'komunita' Franġiskana Konventwali fi Brussel.

Faċli li il-biżgħa taħkimna meta xi ħadd jitqanqal mill-Ispirtu, u flok ninkuraġġuh, inħeġġuh jaħbi t-talenti tiegħu. Kemm drabi fil-knisja għedna kliem bħal: “Imma dejjem hekk għamilna”. Meta ntennu din il-frażi inkunu qed ngħidu l-ikbar gidba li nistgħu ntennu, u nafu li l-gideb huwa dnub! Kif jista’ jkun minn dejjem? Iġifieri dil-ħaġa ilna nagħmluha minn żmien Kristu? Wara kollox mhux Alla biss kien minn dejjem? Kemm –il darba nittieklu minn nostalġiji għall-passat u nkunu rridu nirriproduċu sistemi u ħidmiet li kienu jaħdmu f’soċjetajiet kompletament jew kważi differenti minn dawk tallum? Kemm irridu nsalvaw binjiet u strutturi li fi żmienhom qdew tajjeb il-funzjoni tagħhom, imma illum saru jgħidu ftit jew xejn? Kemm enerġiji moħlija! Kemm jiġrilna li niffissaw fuq in-numri, bħal donnu in-numri huma xi metru eżatt tas-suċċess? Anqas is-sid tal-parabbola ma kien iffissat bin-numri għax lil wieħed tah ħames talenti, lill-ieħor tnejn u lill-ieħor wieħed.

Immaġinaw ftit kieku dawn in-nies ħbew it-talent; Dun Ġorġ Preca, Franġisk minn Assisi, Madre Tereża, Oscar Romero, Massimiljanu Kolbe, Ġwanni Bosco u eluf u eluf t’oħrajn. Beżgħu minnhom ukoll, u mhux tnejn jew tlieta ikkunsidrawhom imġienen, imma dak li jkun minn Alla jseħħ, u Alla huwa dejjem ġdid.

Għandu raġun Papa Fraġisku meta f’paragrafu 41 ta’ Evangelii Gaudium jikteb:

Fl-istess ħin, il-bidliet kulturali kbar u mgħaġġlin jitolbu minna li nkunu attenti l-ħin kollu biex nippruvaw nesprimu l-veritajiet li kienu minn dejjem f’lingwaġġ li jippermetti l-għarfien ta’ dak li hu permanentament ġdid fihom.  Għax, fid-depożitu tad-duttrina Nisranija, “is-sutanza hi ħaġa […], u l-mod kif tiġi fformulata l-espressjoni tagħha hi ħaġa oħra”. Xi kultant, meta l-fidili jisimgħu lingwaġġ kompletament ortodoss, dak li jasal għandhom, minħabba fil-lingwaġġ li huma jużaw u jifhmu, hu xi ħaġa li ma taqbilx mal-veru Vanġelu ta’ Ġesù Kristu.  Bl-intenzjoni qaddisa kollha li nwasslulhom il-verità dwar Alla u dwar il-bniedem, f’xi okkażjonijiet inkunu qed ngħaddulhom alla falz jew ideal uman li mhux tassew Nisrani.  B’dan il-mod, inkunu fidili lejn formulazzjoni partikulari imma ma nkunux qed ngħaddu s-sustanza.  Dan hu l-agħar riskju.  Inżommu f’moħħna li “l-espressjoni tal-verità jista’ jkollha diversi suriet, u t-tiġdid tas-suriet ta’ espressjoni hu meħtieġ biex nistgħu ngħaddu lill-bniedem tal-lum il-messaġġ tal-Vanġelu fit-tifsira tiegħu li ma tinbidilx”.

Il-Papa, bla ma jaf jidentifika x’kienet il-problema ta’ dak li  mar ħeba t-talent tiegħu fil-ħamrija. Kellu viżjoni ħażina ta’ min kien sidu. Aħna wkoll jista’ jkollna ideja ħażina ta’ min hu Alla, u nispiċċaw noħolqu u nippreżentaw alla falz. Il-Mulej iħarisna milli jiġrilna dan!

Il-Mulej jagħtikom is-sliem

Taħbix it-talent... Ħalli r-riflessjonijiet tiegħek

Nessun commento trovato.

Nuovo commento