It-Tnejn u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Nassumi li ġieli kontu f’xi knisja għal xi tieġ! Wieħed mill-isbaħ mumenti huwa xħin tasal l-għarusa. Huwa l-mument fejn kulħadd iqum bil-wieqfa b’sinjal ta’rispett. Kulħadd jitbissem lill-għarusa, bejn għax kuntent għaliha, bejn għax kulħadd ikun jixtieq jara l-libsa li l-għarusa tkun għażlet għall-okkażżjoni u kif tkun għamlet xagħarha. Xi demgħa jkun hemm min ixerred ukoll.

Naħseb li ġieli ġralkom ukoll li l-għarusa tittardja xi ftit u kulħadd bil-kwiet joqgħod jistenna; jekk ikun is-sajf tara għadd ta’mrewwaħ bħal friefet itiru flimkien. Normalment f’dawn iċ-ċirkustanzi ħadd ma jgerger; kulħadd jaf li qed jistenna l-għarusa, kulħadd ċert li ser tasal; żgur li l-għarus ikun l-iktar wieħed fuq ix-xwiek li jara l-maħbuba tiegħu riesqa lejn l-artal. Niftakar darba kont waqt tieġ fejn l-għarusa ttardjat ftit, l-għarus mingħajr ma ħasibha darbtejn qabad il-microphone u qal: “Stennejta 9 snin, ma ġara xejn billi nistennew tlett kwarti”. Hu ma nkwetax, imma jien iva, għax wara t-tieġ kelli quddiesa oħra in-naħa l-oħra ta’ Malta! Bilħaqq, laħħaqt! Imma hu x’ inhu l-istennija tal-għarusa għat-tieġ qatt mhi kerha.

Fil-parabbola li jirrakonta Ġesu’ huwa l-għarus li jdum ma jasal. Fi żmien Ġesu’, kien l-għarus li jmur jiltaqa’ mal-għarusa d-dar tagħha. L-għarusa ma kienetx tkun weħidha, magħha kien ikollha lil sħabha xebbiet jistennewh l-għarus ġej. Hekk kif kien jitfaċċa kienu jiffurmaw bħal purċissjoni bl-imsiebaħ f’idejhom, lebsin l-abjad, huma quddiem u l-għarajjes warajhom, kollox f’atmosfera ta’ festa.

Dan l-għarus jittardja, ma setax javża qabel; ma kellux mobile, qas ix-xebbiet ma kellhom u spiċċaw raqdu. Imma fis-siegħa u l-ħin jinstema’ leħen; “Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!”. Ħamsa minnhom preparati, ħamsa le. Id-differenza? Iż-żejt fil-kwies. Il-boloh ma kellhomx żejt fil-kwies. Il-problema ma kienetx li raqdu, kollha raqdu, imma li ma kienux preparati għall-eventwalita’ li l-għarus jista’ jittardja. Bħal donnu għax ittardja, ħasbu li mhux ser jiġi iktar. Forsi immaġinaw li issa żgur mhux ġej billejl, filgħodu jmorru jixtru. L-għaqlin ma jtuhomx żejt minn tagħhom, għax kienu jispiċċaw boloh bħalhom. Dawn jibqgħu jassumu li ż-żejt tal-musbieħ jista’ jispiċċa u jkollhom bżonn iktar żejt. Ma setgħux jirriskjaw li jispiċċaw bħall-boloh. Dawk imorru jixtru, il-bibien jingħalqu u jibqgħu barra. Imsieken!

Kemm jista’ jiġri hekk lilna ukoll. Nimmaġinaw li l-għarus mhu ġej qatt. Allura ma nibqgħux nagħtu każ. Bħall dak il-qaddej li jsemmi Ġesu’, li kif jillarga s-Sid jibda’ jsawwat lill-qaddejja li jkunu afdati lilu. Naħsbu li għax s-Sid ma jidhirx bħalissa, mhu ser jidher qatt. Hekk bilmod il-mod tibda titneħħa l-idea ta’ Alla mill-imħuħ u mill-qlub. Ninsewh u ngħixu daqs li kieku qatt mhu ġej. Jekk Alla jmut mill-qlub, jekk imut mis-soċjetajiet tal-bnedmin, jekk ma nistennewhx iktar, nispiċċaw ndallmu s-soċjeta’. Soċjeta’ li tneħħi lil Alla mill-qlub tispiċċa toqtol lilha nfisha. Soċjeta’ li tippretendi li teqred lil Alla mill-ambjenti tagħha, tkun qed tipprepara l-qerda tagħha stess.

Aħna l-insara li bi ftit jew ħafna diffikultajiet qed nippruvaw ngħixu l-Vanġelu nistgħu malajr nitħajjru minn min lil Alla nsieh, u aħna ukoll ma nibqgħux nistennewh. Fli tistenna lil Alla, hemm ferħ mhux l-“uffa” u l-infieħ ta’ meta tkun mgħaġġel u lil min tkun qed tistenna mhemmx li jasal.

Jista’ jkun ukoll li l-Mulej lilna qed isejħilna biex inkunu dik il-vuċi li tgħajjat: “Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!”. Forsi lilek il-Mulej qed isejjaħlek biex ma tħalliex li fl-ambjenti tiegħek in-nies jorqdu waqt li jistennew jew qed isejjaħlek biex hekk kif jorqdu tqajjimhom. “Waslet is-siegħa li tqumu min-ngħasgħax is-salvazzjoni tagħna hija eqreb minn meta bdejna nemmnu” jgħidilna San Pawl. Li s-salvazzjoni tagħna hija eqreb minn meta bdejna nemmnu hija t-tama li żżommna mqajjma. Hija l-fidi, iċ-ċertezza li nxandru: “Xi darba il-Messija jerġa’ jiġi”. Hija l-imħabba li fuqha hija mimlija l-fidi tagħna li qatt ma tista’ tkun ħaġa privata, li qatt ma tista’ tingħalaq bejn erba’ ħitan! “Dak li ngħidilkom f'widnejkom xandruh minn fuq il-bjut.” (Mt 10, 27) jgħid Ġesu’. “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.”(Mt 16, 40). “Ngħidilkom li, jekk  jisktu huma, jgħajjat il-ġebel” (Lq 19, 40).

Is-saltna tas-smewwiet hija realta’ futura li ġa qed timbena hawn fuq l-art. “Is-saltna t’Alla f’nofskom qiegħda”. (Lq 17, 21). Ħafna drabi ma tkunx evidenti imma għalhekk rridu nfittxuha biex nindunaw li ġa bdiet tinħema, nimtlew passjoni u nkomplu nibnuha sakemm issib il-milja tagħha meta jerġa’ jiġi Hu. Fejn hemm l-imħabba; hemm is-Saltna t’Alla hi preżenti; f’kull persuna li tixgħel t-tama fil-qlub, f’kull persuna li tixgħel il-musbieħ tal-fidi, f’kull persuna li mimlija ħlewwa, li tiġġieled il-ħażen, li ġġib il-paċi, li tqajjem fuq saqajh lil min hu batut, li tmur il-missjoni u tagħtiha ħajjitha, li tibni l-familja fl-għożża, li żżur il-morda, il-ħabsin, li għandha għal qalbha il-Vanġelu ta’ Ġesu’ u tixgħel in-nar tal-imħabba tiegħu fil-qlub.

Żommu l-musbieħ mixgħul biex tagħtu d-dawl, biex taraw is-saltna t’Alla tikber, biex ma taqtgħux qalbkom.

Alla tagħna hu l-għarus li ġej! Hu Alla tal-Paċi. Nistennew biex joħloq fostna sema ġdida u art ġdida fejn isaltan is-sliem.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem.