It-Trasfigurazzjoni tal-Mulej

“Kemm hu sew li aħna hawn”! Kemm ilek ma tgħidha din il-frażi? Kemm ilek ma tgħid li fejn qiegħed tinsab tajjeb. Jekk għadek kif ħriġt mill-karozza f’temperatura ta xi 42 grad mhux faċli tgħidha, jew inkella jseħħlek tgħida xħin  tispiċċa taħt xi aircondition jagħti full blast.

Apparti s-sħana, spiss jiġri fil-ħajja tagħna, tant inkunu mtaqqla b’dak li nkunu għaddejjin minnu li nsibuha diffiċli nistqarru li fil-ħajja baqgħa xi ħaġa sabiħa, xi ħaġa li għaliha jiswa li tgħix u tmut?

Illum Ġesu’ qed jistedinna nikkontemplaw is-sbuħija tiegħu b’moħħna fis-salib. Innutaw naqra li il-ħbieb ta’ Ġesu’ jgħidu li huma ferħanin li jinsabu hemm, waqt li hu, ma’ Mose’ u Elija kien qed jitkellem fuq it-tmiem ta’ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm! U aħna, li ġejna wara nafu kif kellu jkun it-tmien ta’ħajtu. Sbuħija u ferħ, salib u tbatija jitħawdu f’xulxin!

X’inhi l-ħajja tan-nisrani jekk mhux din it-taħwida kollha, ta’ salib u ferħ, ta’ sbuħija u niket? Kemm jien kapaċi ninduna li fil-ħajja mhux kollox imur żmerċ? Kemm jiġrili li f’mumenti diffiċli ma nibqa’ nara xejn? Kollox isir dlam u nibda kuljum nemmen li dak id-dlam ser jibqa’ għal dejjem? Anke jien, l-istess bħall-appostli, nibża xħin nidħol fl-isħaba imma propju minn dik is-sħaba joħroġ il-leħen li jgħidli: “Dan hu Ibni il-maħbub, lilu isma’”!

Propju waqt li donnu li kollox ġej ħażin li Alla jgħidli li huwa miegħi, li jaf min xiex inkun għaddej. Forsi il-problemi ma jitilqux, imma nibda narahom b’mod differenti, għalija minflok kundanna isiru mezz ta’ salvazzjoni. Nibda ftit ftit nifhem li Alla jaħdem kollox għal ġid ta’ dawk li jħobbuħ. Nibda nkun kapaċi ngħid “Iva, kemm hu sew li qed hawn, minkejja li l-ħajja tiegħi ta’ ġenitur donna falliet, l-istess ir-relazjonijiet tiegħi, l-istess ix-xogħol pastorali tiegħi”.

U ninduna li fil-problemi tiegħi quddiemi jibqa’ “Ġesu’ waħdu”, jgħidli: “Qum, la tibżax”. Nibża’ iva, u naqa’ wiċċi fl-art mimli bil-biżgħa, mhux għax Hu tal-biżgħa, mhux għax nibża’ li nagħmel xi ħaġa li toffendih, lanqas għax nibża’ li se jikkastigani, imma nibża’ f’sens ta’ stagħġib li Alla għoġbu juri lilu nniffsu lili, minkejja li jien dgħajjef, maħmuġ u ninten. Nibża’ mill-imħabba tiegħu, nibża’ li tant hi gratwita, tant hi don, tant ma jistħoqqliex li nibża’ li ma niflaħx għaliha! Imma fl-istess ħin ntir bil-ferħ li dan Alla omnipotenti, omnipreżenti, omnixxenti, jinżel f’riġlejja ‘jadurani’. Forsi Alla m’adurax lil bniedem meta minn Alla sar bniedem? Forsi fuq is-salib, ma xxejjinx biex lilna jagħmilna allat? Forsi ma poġġiex lilna qabel ħajtu stess? Għidli kif tista’ ma tibżax meta taħseb f’dan kollu? Iva tibża’ imma fl-istess ħin tinġibed lejH. Hu stess qal: “Meta nintrefa’ ‘l fuq niġbed lil bnedmin kollha lejja”, minkejja li ma kellu ebda ġmiel biex nitgħaxxqu biH. 

Buona Festa! 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ’l Ġakbu u ’l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija.” Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.” Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’.  Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux.” Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.”

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.