IV Ħadd matul is-sena

 

Xi ġmiel dan Ġesu’! Mattew jgħidilna li Ġesu’ beda l-missjoni tiegħu billi jgħallem u jfejjaq. Ġesu’ huwa semmiegħ attent tal-bżonnijiet tal-poplu tiegħu. Il-Vanġelu ta’ San Mattew jgħidilna li l-folla li kien hemm miexja wara Ġesu’ kienet magħmula minn dawk li kienu jbatu b'xi mard jew uġigħ, il-maħkumin mix-xitan, il-morda b'tal-qamar u l-mifluġin. Kienet folla li kienu għadhom kif serqulha lil xi ħadd li kien jispira fiduċja; Ġwanni il-Battista, filfatt kien għadu kif ġie arrestat. Din hi l-folla ta’ Ġesu’; nies li bħalek u bħali għandha bżonn fejqan, ħelsien.

U Ġesu’ jsejjaħ lillhom u lilna mberkin, ħenjin u la ħenjin nistgħu nimxu ‘l quddiem. Il-ħieni ma jieqax, il-ħieni jimxi ‘l quddiem lejn liberta’ iktar sħiħa. L-imbeżża, mhux ħieni u allura jeħel. U Ġesu’ ma jrid lil ħadd jeħel; Ġesu’ jridna nimxu kulħadd bil-pass tiegħu, imma flimkien u ‘l quddiem. Ġesu’ qed jgħidlek: “Int imnikket, int bil-ġuħ u l-għatx għas-sewwa, mġarrab u ppersegwitat, xorta int imbierek u tista’ tħares ‘l quddiem b’tama”.

Jekk int fqir fl-Ispirtu int ġa ħieles għax int ‘l bogħod mill-loġika li biex tkun kuntent trid taħkem u tipposjedi. Ħieles mill-loġika li l-ferħ jiġi mill-affarijiet li għandek. Mela ‘l quddiem b’tama.

Jekk int qalbek ħelwa ħieles mill-loġika li biex teħles mir-rabja għalik kull mezz isir leċitu saħasitra, dak li tiżvoga b’mod vjolenti u tweġġa’ lil ta’ madwarek. Il-qalb ħelwa mhix djufgħija imma qawwa. Mela ‘l quddiem b’tama.

Jekk int bil-ġuħ u l-għatx għas-sewwa int ukoll ħieni għax m’intiex marbut mal-fatt li biex inti tfieq trid issir ġustizzja mill-għadu tiegħek. Forsi tixtieq tara lil min weġġak ibati, jħallas ta’ dak li għamillek, imma b’daqshekk ifisser li int mfejjaq mill-weġgħat tiegħek, mid-deni li sarlek? Il-ġustizzja fuq l-“għadu” hija dejjem garanzija ta’ fejqan interjuri? Forsi l-maħfra mhix għodda iktar qawwija għar-rikonċiljazzjoni? Mela ‘l quddiem b’tama.

Jekk inti tħenn ifisser li inti ħieles mill-loġika li “kulħadd jieħu dak li ħaqqu” li umanament hija tajba imma li l-Vanġelu jipperfezjonaha. Il-ħniena propju hi ħniena għax min għandu bżonnha ma jisħoqqlux li jirċeviha. Kieku jistħoqqlu tiġi ġustizzja u mhux ħniena. Jekk inti tħenn ifisser ukoll li inti ħieles mill-loġika li Alla jħenn għall-ġusti biss, li jtella’ ix-xemx u jibgħat ix-xita fuq it-tajbin biss. Jekk inti tħenn allura ħieles mit-tentazzjoni li tagħlaq lil Alla ġo kaxxa u ġġiegħlu jaħdem biss fil-paramentri li ħejjejtlu int. Mela ‘l quddiem b’tama.

Jekk inti safi ħieles mill-loġika li tjassar lil min tħobb, li flok tgħannaq, tifga. Ħieles mill-loġika li meta tħobb lill-oħrajn l-ewwel u qabel kollox tkun qed tħobb lilek innifssek. Ħieles mill-loġika li tuża lill-oħrajn biex tissodissfa biss il-bżonnijiet tiegħek. Mela ‘l quddiem b’tama.

Jekk iġġib il-paċi ħieles mill-loġika ingannatriċi li id-dinja hija isbaħ bid-diviżjonijiet, piki, partiti u firdiet. Mela ‘l quddiem b’tama.

Jekk inti ippersegwitat ħieni għax ħieles mill-loġika li biex tkun kuntent trid dejjem issib lil xi ħadd idur warajk u jċapċaplek u jgħidlek prosit. Mela ‘l quddiem b’tama.

Jekk inti ħieni, inti ħieles u jekk inti ħieni, inti ħieles. Jien’ m’iniex, intom ma nafx. Imma ejja nitolbu biex verament nkunu ħielsa u ħienja. Aħna ċerti li dak li beda din l-opra tajba fina ser iwassalha sa tmien. Mela ‘l quddiem b’tama.

Awguri għall-ħajja ħienja, mbierka, ħielsa…ma’ Ġesu’ Kristu. ‘L quddiem b’tama!