Darba xi ħadd kien qed jirrakuntali fuq film li kien ra u kien għoġbu ħafna. Iggustajtu jirrakuntali fid-dettal it-trama tal-film u stagħġibt  kif bħal donnu waqt li qed jirrakuntah kien qed jerġa’ jarah, u jiena miegħu. Pero’ f’mument qalli: “Dak il-film swieli kitla”. Boq! Ma fhimtx mill-ewwel. Imbgħad spjegali kif hekk kif kien ser jibda jara l-film ħejja l-kitla fuq in-nar biex jagħmel naqra kafe, imma imbgħad intilef fl-istorja u l-kitla kompliet tisħon u tisħon u sa tmien il-film spiċċat ittaqbet.

Hekk ġralhom in-nies fi żmien Noe’. Kienu mehdija fil-film u nsew il-kitla! Tant kienu mehdija jieklu u jixorbu, iżżewġu u jiżżewġu li ma ndunawx li l-ilma taħt saqajhom kien qed jiżdied. Forsi tgħidu x’kienu qed jagħmlu ħażin billi kienu qed jieklu u jixorbu? X’kienu qed jagħmlu ħażin li jżewwġu u jiżżewġu? Xejn ħażin, kieku ċ-ċirkustanzi kienu normali. Imma ċ-ċirkustanzi ma kienux normali. Kien ġej dulluvju. Il-ħażin kien li kienu qed jagħmlu dak biss u ma kienux qed jibnu l-arka.

Kemm jista’ jiġri l-istess lilna. Kemm nistgħu nkunu mehdija f’affarijiet li ma nindunawx x’qed jiġri madwarna. Nistgħu nkunu mehdija x’ser nieklu, kemm aħna maħbuba jew le, ninkwetaw fuq elf ħaġa u nitilfu il-ħajja. Ma nindunawx bil-barkiet li Alla jkun qed jibgħatilna. L-istorja tibda tgħajjat f’widnejna biex nibnu l-arka imma aħna niddeċiedu li ma nisimgħux għax mitlufin niġru wara l-ikel u x’ser itina l-iktar sodissfazzjon.

Mehdi fix-xogħol u l-flus ma tindunax li uliedek qed jikbru, li n-nies li tħobb huma mixtieqa minnek.

Mehdi fl-istorja ċkejkna tiegħek ma tindunax li madwarek id-dinja qed timbidel u għandha bżonn x-xhieda tiegħek.

Tant mehdi li ssalva dak li għandek, u tagħmel l-affarijiet li dejjem għamilt, traqqa’ il-pannu bil-qargħa aħmar u tinsa, u ma tindunax li l-Evanġelizzazzjoni hija prijorita’ illum hekk kif kienet 2000 sena ilu.

Mehdi fil-porpri u l-liġijiet u ma tindunax li l-imħabba hija l-milja tal-liġi.

Ma tindunax li hemm min jinteressah jaljenak biex kollox jibqa’ kif inhu; biex ma toħlomx, biex ma xxandarx, biex ma tieqafx l-inġustizzja, biex il-prijorita’ tiegħek tkun kemm tagħmel flus, kemm tidher sabiħ, li tixtri kull ma tara. U x’jibqa’?

Jgħaddi l-Mulej u ma tindunax li għadda! Santu Wistin jgħid: “Nibża mill-Mulej li jgħaddi”! Jibża  li jgħaddi u ma jindunax bih.

Imma l-Mulej illum qed jgħidlek: “Waslet is-siegħa li tqumu min-ngħas; għax is-salvazzjoni tagħna hija eqreb minn meta bdejna nemmnu”. Xi ġmiel! Is-salvazzjoni mhux il-kundanna. Jekk inqumu minn ngħas, jekk nqumu mill-aljenazzjonijiet tagħna, jekk ninvestu fil-prijoritajiet veri, jekk nindunaw min u x’qed jaljenana, jekk niddeċiedu li nbiddlu ftit l-istil ta’ ħajja, nkunu iktar attenti u nishru iktar, naslu nindunaw li hu qed fil-bieb u jħabbat, u jekk tiftaħlu jidħol u jiekol miegħek.

Il-Mulej mhux qed jistedinna ma nieklux, jew ma nħobbux; qed jistedinna li l-ikel tagħna ma jkunx dak biss li jgħaddi, u l-imħabba tagħna ma tkun biss fiergħa. Qed jistedinna nħarsu ‘l bogħod għal dak li jibqa’ għal dejjem.

Alla il-ħin kollu jipprovdilna żmien opportun biex nqumu minn ngħas: “Illum”, “Issa”! Temmejna s-sena tal-Ħniena, imma ma taniex nifs, bdejna l-Avvent. Dan hu ż-żmien li fih nindunaw biH. Li nkunu b’widnejna, għajnejna u fuq kollox qalbna miftuha għaliH li ġej, li ġie, li jiġi!