L-Erbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Ġesu’ illum ifaħħar lil dawk li huma ċkejkna għax huma l-iktar li jixbħu lil qalb ħelwa u umli tiegħU. Huwa Ġesu’ nniffsu li jgħallimna nkunu ċkejkna. Għalhekk iċ-ċkunija, l-umilta’ hija sejħa għal kull dixxiplu li jieħu lil Ġesu’ bis-serjeta’.

Allura, min hu ċ-ċkejken? Min hu dak li ser jidħol fis-saltna tas-smewwiet? Kif tinduna li xi ħadd għandu din il-kwalita’ evanġelika? Ippermettuli li nieħu bħala eżempju ta’ din il-virtu’ nisranija qaddis li hu msejjaħ kbir, propju għax kien żgħir.

a) Iċ-ckejken huwa dak li jaf li jiddependi minn Alla. In-nisrani huwa msejjaħ li jintelaq f’idejn Alla, għax jaf li għall-kollox jiddependi minnu. Kemm jiġrilna kultant li naħsbu li aħna nafu l-affarijiet aħjar minn Alla u allura arana ngergru għall-kull intopp? Kemm jiġri wkoll kultant li naħsbu li Alla ma jieħux ħsiebna? U allura arana nitfgħu il-fiduċja tagħna fuq l-affarjiet ta’ din l-art biss, u Alla jidħol biss meta jkollna xi problema. Kemm il darba naħsbu li għax għadna ħafna affarijiet, ħafna flus, sirna qisna allat żgħar? San Franġisk t’Assisi, biex jegħleb din it-tentazzjoni kien dejjem itambar li l-patrijiet għandhom jgħixu mingħajr ma jintrabtu ma’ xejn.

b) Iċ-ċkejken huwa dak li jagħraf li hu midneb. L-għarfien li aħna nies fraġli u midimba jgħina nibqgħu umli. Anke f’ dan San Franġisk t’ Assisi kien espert. Kien jaf ċar x’kienet id-djufija tiegħu u ma jibżax jistqarrha. Kemm –il darba intefa fis-silġ u x-xewk għax bħall-kull bniedem ieħor kellu ġibdiet tal-ġisem. Meta kienu jfaħħruħ u jgħidulu li kien qaddis kien iwieġeb: “Għadni ma nistax ngħid jekk għadx ikolli it-tfal”. (Spec Per 45). Kemm inkunu ingannati aħna jekk naħsbu li sirna qaddisin! Kemm immorru żmerċ meta naħsbu li aħna lil Ġesu’ nafuħ, u l-oħrajn msieken ma jafuhx. Aħna il-bravi, l-oħrajn il-midimbin. Qatt ħsibt li meta titlob għall-konverżjoni tal-midimbin, l-ewwel qed titlob għall-konverżjoni tiegħek?

c)     U għalhekk il-bniedem ċkejken huwa dak li ma jiġġudikax. Meta wieħed jiġġudika, awtomatikament ikun qed ipoġġi lilu inniffsu fuq tarġa għola. Ikun qed jgħid li hu tajjeb u ħaddieħor ħażin. Kemm huwa diffiċli persuna li tiġġudika. Min jiġġudika normalment ma jkunx għadu għaraf id-dnub tiegħu, li huwa s-suppervja u il-kburija. Min jiġġudika jagħmel il-ħajja ta’ ħutu infern, u normalment għax ikun għadu ma aċċettax id-dnub tiegħu, ma jaċċettax lanqas ta’ ħuh. Tiftakru Ġesu x jgħid: “Għalfejn qed tipprova tneħħi it-tibna minn għajn ħuk, meta int għandek travu. Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnejk, hekk tkun tista’ tara tajjeb sabiex tneħħi it-tibna minn għajn ħuk”. San Franġisk jikteb fir-regola tiegħu li l-patrijiet għandhom jilbsu ilbies foqra, imma eżatt wara jikteb: “Il-patrijiet ma jiġġudikawx lil min jaraw jilbes ilbies fin”. Darba waħda wieħed superjur jiktiblu dwar wieħed patri li kien qed jaqlalu l-inkwiet. San Franġisk jiktiblu lura. Fi kliemu ma hemm l-ebda ġudizzju. Jgħidlu: “Jekk jidneb quddiemek 7 darbiet kuljum u jitolbok maħfra 7 darbiet, int aħfirlu minnufiħ. Jekk ma jitolbokx il-maħfra staqsieħ int jekk iridx ikun maħfur. Ara li ma jitlaqx minn quddiemek qabel ma jkun ra f’għajnejn il-ħniena”. Li tieħu paċenzja b’ħuk għall-San Franġisk jiswa iktar milli wieħed imur eremit. Araw naqra Marija! Hekk kif tiskopri li hija omm Alla, minbarra li tmur taqdi lill Eliżabetta, tibqa’ żżomm ruħha ċkejkna. “Ħares lejn iċ-ċokon tal-Qaddejja tiegħu”.

d) La il-bniedem ċkejken jammetti li hu midneb, huwa wkoll bniedem li kapaċi jaċċetta korrezzjoni. Kemm jiġrilna kultant li ħadd ma jista jkellimna. Meta nkunu hekk insiru nies kburin. Il-korrezzjoni, il-kburi jqisha bħala theddidha, għax għalih hija forma li tbaxxih.

e) Iċ-ċkejken huwa dak li jaf li Alla miegħu dejjem, li jieħu ħsiebu, għalhekk fl-avversita’ mimli fiduċja. In-nisrani mhux xi superman; huwa wkoll ibati anke jekk jgħix it-traġedji ta’ ħajtu fil-fidi, madanakollu mimli tama li kull storja tispiċċa tajjeb.

Ejjew nitolbu lil Mulej il-grazzja li nkunu ċkejkna. Ejjew nħossu verament li għax aħna żgħar nistgħu noqgħodu fil-palma tal-id ta’ Alla. Il-bniedem ċkejken huwa dak li jintelaq f’idejĦ, li jħoss it-tgħannieqa tiegħu, fuq kollox li jaf li Alla bih ser jagħmel ħwejjeġ kbar.