L-Erbgħa u għoxrin Ħadd ta' żmien ta' matul is-sena

 

Immaġinaw ftit li kieku Żakkew wara l-ikla tajba li kiel ma’ Ġesu’ iltaqa’ ma’ xi ħadd li kellu jtih xi ħaġa u ma ħafirlux. Immaġinaw ftit (li kontra kull loġika ta’ maħfra) Żakkew kien jerġa’ jispiċċa fuq is-siġra b’xi daqqa ta’ sieq!

Immaġinaw li kieku r-raġel tal-mara l-midimba, li frankat borġ ġebel wara l-maħfra ta’Ġesu’, taqbad lir-raġel tagħha jitbissem lil xi mara oħra u tagħtih tgħajjira kif imiss. Ibqgħu ċerti li kieku dan kien iċempel minnufih jipprova jara min fejn ser jikri trakk ġebel.

U nistgħu nibqgħu sejrin hekk bil-personaġġi kollha li iltaqgħu mal-ħniena ta’ Alla fil-Vanġelu. Minn min irċieva ħniena aħna nistennew ħniena, u dan huwa ovvju u naturali. Alla, kif jgħidilna Ġesu’ jistenna l-istess minnha. Jekk aħna tassew doqqna il-ħniena tiegħu, fid-dmir li din il-ħniena nwassluha lill-oħrajn. Jekk dan ma jsirx allura; wisq probabbli għadna ma ndunajniex kemm Alla kien ħanin magħna; jew għax mingħalina aħna nies ġusti, jew inkella għax tant aħna kkonċentrati fuqna nfusna, li l-offiżi tal-aħwa jnessuna li aħna wkoll ħatja.

Jista’ jkun ukoll li ma naħfrux għax qatt ma kellna bżonn doża qawwija ta’ ħniena għax sa fejn niftakru aħna qatt m’għamilna xi dnub kbir. Jekk inhu dan il-każ tajjeb niftakru li għadna fiċ-ċans li jkollna bżonnha, u jekk fil-fatt jiġri li niġu bżonnha żgur li nkunu nixtiequ nirċievu ħniena u mhux ġudizzju.

Ir-raġel li lilu ġie maħfur ħafna, nesa mill-ewwel kemm lilu ġie maħfur. Jista jkun li tant ħassu tajjeb mingħajr dejn, li issa ħassu ġust u jista' jiġġudika lil ħaddieħor. L-istess jiġri lilna kull darba, li wara li niġu maħfura nħossuna ġusti. Papa Franġisku jgħid li hu jħossu: "midneb li Alla wera miegħu ħniena kbira". Lilna spiss jiġrilna li wara li niġu maħfura nibdew nħossuna ġusti, u hemm niżbaljaw bil-kbir! Kull darba li nħossuna ġusti, anke wara li nirċievu il-maħfra nkunu qed inpoġġu l-pedament biex nergħu niżbaljaw, u b'mod ikbar. L-ideal jkun li aħna dejjem, anke wara l-maħfra nħossuna midimbin li neħtieġu l-ħniena tiegħU. Min iħossu dejjem bżonn il-ħniena faċli jagħraf li anke l-oħrajn, bħalu għandhom bżonn tal-ħniena.

San Pawl jgħidilna li Alla ħabbna meta konna għedewwa tiegħu. Hija din l-imħabba li trid issuqna. Fuq is-salib Ġesu’ wriena x’jistenna mid-dixxipli tiegħu. Jekk huwa minnu li aħna m’aħniex Ġesu’, kif normalment ngħidu biex niġġustuifikaw lilna nfusna, huwa minnu li aħna dixxipli tiegħu, u preferibilment id-dixxiplu jkun jixbaħ lill-Imgħallem tiegħu.

Wara kollox Ġesu’ jridna naħfru mhux biss għax jaqbel lill-min weġgħana, mhux biss għax Ġesu’ jħossu iktar kburi bina, imma wkoll għax jaqbel lilna. Huwa biss min jaħfer li jinħeles. Min jaħfer ma jibqax imwaħħal mal-offiża li jkun irċieva. Ħafna drabi li l-ewwel naħsbu li l-ewwel irridu nfiequ imbgħad naħfru, għall-kuntrarju il-maħfra huwa pass importanti fil-mixja lejn il-fejqan. Iġifieri jaqblina!

U bilħaqq tinsiex ukoll taħfer lilek innifsek!

Il-Mulej jagħtikom is-sliem.