L-Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Ġieli ġralkom li jkollkom ritratt u tkunu tridu ddaħluh ġo frame? Ovvjament iva! Ġieli ġralkom li tmorru tixtru frame u xħin taslu id-dar tindunaw li l-frame huwa kemmxejn iżgħar mir-ritratt tal-familja. Ikollok żewġ għażliet; jew tbiddel il-frame jew taqta’ biċċa mir-ritratt biex dan jidħol tajjeb. Xħin tlesti l-operazzjoni delikata u ddawwar il-frame biex tara kif ġiet l-opra, tinduna li n-nannu ġie bla ras għax inzerta l-itwal wieħed!

Propju hekk jiġrilna ħafna drabi ma’ dawk in-nies li donnhom il-kapaċita’ li jġgħeluk tistħi, anke jekk ta' ġewwa! Forsi, mhux waħdi li jkollna mumenti f’ħajjitna li ċerti nies idejquna jew bl-atteġġjament arroganti tagħhom, jew għax aħna l-‘puliti’ nqisuhom baxxi, jew għax differenti minnha, jew għax esiġenti, jew għax f’għajnejna huma moralment ħżiena u nistgħu nkomplu nżidu mal-lista. Huwa normali li meta niltaqaw ma’ nies li huma differenti minnha nħossu ċerta distanza bejnhom u bejna. Li mhux normali mhuwiex dak li nħossu, imma x’nagħmlu b’dak li nħossu. Li mhux normali li ntajrulhom rashom biex jidħlu fil-frame. 

Għad-dixxipli ta’ Ġesu’ kien normali li jiddejqu, li jħossuhom xi ftit jew wisq irritati b’mara tiġri warajhom; mara li ma tħaddanx l-istess twemmin tagħhom, f’art barranija, post kemm xejn ostili għalihom u kkunsidrat pagan. Li ma kienx normali huwa li talbu lil Ġesu’ jeħles minnha. Għal mument Ġesu’ jidher li jtihom raġun. Imma bħal donnu Ġesu’ jrid jara sa fejn twassal il-perseveranza tagħha. Fl-aħħar Ġesu’, wara li donnu jaqtagħlha qalbha, jagħtiha dak li xtaqet, anzi jirrikonoxxi li kbira hija l-fidi tagħha.

Aħna wkoll, spiss jiġrilna li min hu differenti minnha jbeżżgħana. Ma jkollniex il-kapaċita’ li naraw fih l-istess kwalitajiet li aħna nħaddnu. Nieqfu fuq id-differenzi! Id-dixxipli ta’ Ġesu’ ma rnexxilhomx jaraw il-kwalitajiet sbieħ li kellha din il-mara; il-fidi fl-Imgħallem, l-imħabba tagħha ta’ omm, il-perseveranza, id-diskrezzjoni kif twieġeb lil Ġesu’, il-kuraġġ, id-determinazzjoni. Bejn id-dixxipli ta’ Ġesu’ u hi kien hemm ħafna affarijiet komuni; imma huma waqfu fuq id-differenzi.

Tajjeb li llum insaqsu; min huma in-nies li jbeżżawna u għaliex inħossuhom ta’ theddida għalina? Kapaċi naraw lil hemm mid-differenzi. Jista’ jkun li in-nies l-iktar differenti minnha huma dawk li jgħixu magħna, kif nġibu ruħna magħhom? Kemm kapaċi nidħlu fiż-żarbun tagħhom? Kemm kapaċi nosservaw il-kwalitajiet sbieħ li għandhom? Kemm kapaċi mmorru ‘l hemm mill-ġeneralizzazjonijiet stupidi li ħafna drabi nehdew fihom. Nafu li kliem bħal: “ħadd”, “kulħadd”, “dejjem”, “qatt” ma jeżistux?

Ħafna drabi naqgħu fit-tentazzjoni li rridu lil kulħadd jaħsibha bħalna, li rridu lil kulħadd joqgħod fil-frame li lestejnielu aħna, imma almenu f’din il-ħaġa ejjew naqtgħu qalbna. Inkella jiġri li nitkissru aħna b’xewqat irreali u nkissru lill-oħrajn għax ma jirnexxilhomx ikunu bħalna.

Ġesu’ jgħallimna, li aħna irridu nkunu kapaċi li nimxu ma’ kulħadd fi triq. Ma nistgħux nistennew lill-oħrajn jaslu fejn wasalna aħna, imma rridu nibdew mill-bidu. Ġesu’ hekk għamel; kien kapaċi jimxi ma’ kulħadd; l-unika problema li kellu kienet ma’ dawk li kienu jemmnu li ġa wasslu. Il-paċenzja hija għodda mill-iktar siewja fl-Evanġelizzazzjoni. Ir-riġidita’ tkisser lil min hu riġidu, u lil min iseħħlu jagħmilha miegħu. Il-kapaċita’ hija iktar fli nimbidel jien, biex ma’ min miexi jseħħlu jibda jħobb dak li nħobb jien u jagħraf il-valur tal-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesu’, il-Kristu.

Papa Franġisku huwa ċar ħafna dwar dan:

Alla hu kreattiv, m’hux magħluq, u għalhekk li m’hu qatt riġidu magħna. Alla m’hux riġidu! Jilqagħna, jiġi jiltaqa’ magħna, jifhimna. Biex inkunu fidili, biex inkunu kreattivi, jeħtieġ inkunu kapaċi nibdlu. Inkunu nafu nibdlu. U għax għandi nibdel? Dan biex naddatta ruħi għaċ-ċirkustanzi li fihom irrid inħabbar il-Vanġelu. Biex nibqgħu ma’ Alla jeħtieġ inkunu nafu noħorġu, ma nibżgħux noħorġu.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem,

Il-Ħadd it-tajjeb