Fejqan...

Ċerti elementi fir-rakkont li għandna kemm smajna jistgħu b’xi mod inisslulna tbissima. Almenu hemm żewġ fatti żgħar li jiddeskrivu lil missirijietna. Fatt ħelu huwa dak li l-Maltin ta’ dak iż-żmien biddlu l-ideja tagħhom fuq Pawlu f’nifs wieħed. Gidmitu il-lifgħa u mill-ewwel, mingħajr l-iċken dubju jew perplessita’ iġġudikawħ bħala qattiel. U donnu ir-raġunament tagħhom kien jagħmel sens: “Dar-raġel żgur li qattiel, għax għad li ħelisha mil-baħar, il-ġustizzja ma ħallitux jgħix”! Imbierek dak l-ilsien! Jiġri li Pawlu ma jmutx, u Luqa (bi tbissima fuq fommu waqt li jikteb) jgħidilna: “Wara li raw li ma ġralu xejn, biddlu il-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla”. Minn estrem għall-ieħor, minn “qattiel” għal “xi alla”.

Ħaġa oħra li tista’ tnislilna tbissima huwa il-fatt li San Luqa lilna bil-grieg il-lingwa li biha kiteb jsejħilna Barbaroj (Barbari). Jekk tmorru taqraw din is-silta bit-taljan issibu il-kelma “Indigeni”. Insomma iż-żewġ kelmiet, għal min hu daqxejn fonqla, kapaċi jidhru xi ftit offensivi. Imma x’ried jgħid Luqa meta sejħilna Barbari? Kull ma ried jgħid li n-nies ta’ fuq il-gżira la kienu jikellmu Latin u lanqas Grieg. Ma kienux jitkellmu bil-lingwi ikkulturati ta’ dak iż-żmien.

Forsi tgħidu allura kif Pawlu priedtka il-Vanġelu fuq il-ġżejjer tagħna. Skond il-Bibbja Pawlu qas biss lissen kelma waħda. Pawlu li dejjem jippriedka, li ġera id-dinja kollha jxandar Ismu, f’Malta ma nsibu miktub li qal xejn. Allura kif ħabbru il-Vanġelu? Jekk inkomplu naqraw ir-rakkont insibu miktub hekk: “Missier Publiju inzerta mixħut, marid bid-deni u d-diżinterija, Pawlu daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed idejħ fuqu u fejjqu. “Wara dan imbgħad bdew ukoll jersqu għandu il-morda kollha tal-Gzira, u hu fejjaqhom”.

Pawlu jxandar il-Vanġelu billi jidħol ħdejn missier Publiju, jitlob u jfejjaq. Dan jurina li l-Vanġelu ma nxandruħx bil-kliem biss imma anke bl-għemil, u l-għemil li jissieħeb max-xandir tal-Vanġelu huwa il-fejqan. Anke fil-Vanġelu tallum għadna kemm smajna li Ġesu’ jibgħat lill Appostli jxandru il-Bxara t-tajba lill-ħolqien kollu u jgħidilna li wieħed mill-mirakli li jsieħbu ‘l dawk li jemmnu huwa propju li jqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.

Tafu intom li Ġesu’ minn kull fejn għadda, fejjaq u għamel il-ġid. Min iltaqa’ ma’ Ġesu’ u fetaħ qalbu. Xi wħud fiequ fiżikament, u oħrajn fiequ fl-imħabbiet tagħhom. L-adultera, fieqet fil-mod li bih kienet tħobb. “Ħadd ma ikkundannak mara, anqas jien, mur tidnibx iktar”. Il-mara minn Samarija ukoll fieqet fl-affetti tagħha. Żakkew, dipendenti fuq il-flus, jasal jagħti lura kull ma seraq. Pietru wara ħafna, tgħallem jadfa fih.

U dan nawguraw li jiġri lil kull wieħed u waħda minnha, nibda minni inniffsi. Fid-dawl ta’ Ġesu’ nindunaw li aħna għandna bżonn ta’ fejqan. Faċli nindunaw li għandna bżonn ta' fejqan fiżiku minħabba l-iskumditajiet li l-mard fiżiku jġib miegħu. Imma hemm bosta mard ieħor li għalkemm iweġgħana, nemmnu li xorta nistgħu nibqgħu għaddejjin. Nemmnu li wara kollox, la mxejna s’issa bit-tali kumplikazzjoni, jew uġiegħ il-qalb nistgħu nkomplu għaddejjin imma ma nindunawx li flok nimxu inkunu qed nterqu. Flok ngħixu nkunu qed neżistu. Ħafna drabi hemm bżonn nindunaw li rridu nfiequ fl-imħabbiet tagħna. Kemm drabi inħobbu imma b’mod kundizzjonat: "inħobbok jekk", "inħobbok pero’", "inħobbok imma". Kemm ma nindunawx li bosta drabi il-bżonnijiet tagħna jagħmuna fuq dawk li huma il-bżonnijiet tal-oħrajn, u flok infejqu immardu lil dawk li jkunu madwarna.

Kemm hemm bżonn infiequ f’dawk li huma il-memorji passati tagħna! Kemm jiġrilna li għadna nġorru weġgħat li ġraw fil-passat!  Kemm hemm bżonn ninħelsu minn affarijiet li sirna skjavi tagħhom!

Alla minn dan kollu jrid ifejjaqna. Ejjew ma nibżgħux nibdew il-mixja tal-fejqan. Ħafna drabi ma nfiqux għax qatt ma niddeċiedu li rridu nibdew mixja ta’ fejqan. Iva, veru, ċerti mixjiet ta’ fejqan huma twal. F’ċerti każi mhux biżżejjed parir tajjeb, imma jkun hemm bżonn għajnuna professjonali u ħafna talb.

U hekk meħlusa, jew fi proċess ta’ fejqan aħna wkoll nkunu nistgħu nsiru evanġelizzaturi. Aħna wkoll bil-preżenza tiegħna tagħna nistgħu imbgħad bi kliemna u għemilna nġibu il-fejqan u il-paċi. Insiru bħal Maltin ta’ żmien San Pawl (u hawn ħa niġbor ġieħi). Nsiru nies li nuru mal-oħrajn: “Ħlewwa liema bħalha”. Il-kliem tagħna jsir kliem li jfejjaq u mhux kliem li, frott l-egoiżmu jkisser u jigdeb fuq l-oħrajn. Il-prezenza tagħna fost l-oħrajn issir prezenza li ta’ madwarna jiggustawna. Il-preżenza tagħna issir prezenza li tagħti direzzjoni. Anke l-imħabba tagħna tista’ tfiq. Lil ta madwarna nibdew narawhom kif jarahom Alla, b’rispett u mħabba, ma nużawhomx iktar biex nissodisfaw il-bżonn tagħna li nkunu maħbuba.

Il-qalb ta' kulħadd hija xi ftit imxellfa, muġugħa, madankollu ejjew nibdew infiequ u nfejqu!