Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu 

Ġieli xi ħadd tagħkom ħjiel ta’ x’ser ikunu d-domandi ta’ xi eżami partikolari l-iskola? Kemm kont nieħu pjaċir meta konna nagħmlu r-revision qabel l-eżami u l-għalliem jgħid: “Dan is-suġġett studjawh sew”. Ma kienx ikun qalilna x’ħiereġ fl-eżami imma żġur li kien ikun għena niffukaw x’hemm bżonn li nistudjaw. Ġesu’, illum fil-vanġelu jagħmel xi ħaġa simili.

Ilna issa bosta ġimgħat nirriflettu fuq kif qed nibnu il-proġett li Alla kellu u ħolom fuq id-dinja. Dan il-proġett jissejjaħ is-Saltna ta’ Alla. Ġesu’, permezz tal-parabboli qalilna li għadna nilqgħu l-istedina tal-Missier għall-festa tat-tieġ u uriena x’ għandhom ikunu l-atteġjamenti tagħna waqt li nistennewh ġej;  nibqgħu mqajjma, nistennewh bl-imsiebaħ mixgħula f’idejna u nħaddmu t-talenti tal-imħabba biex nibnu s-Saltna tiegħu fuq din l-art.

Illum Ġesu’ ma jitkellimx permezz ta’ parabboli; sinjuri u sidien li jirrapreżentaw lilu, imma jitkellem dwaru nniffsu. Jagħtina ħjiel kif ser tkun il-miġja tiegħu u x’ser jagħmel hekk kif jerġa’ jidher fostna. Jgħidilna li ser jagħmel gudizzju veru u propju u jgħarrafna anke dwar il-kontenut ta’ dan il-ġudizzju. Interessanti li ma jitkellimx b’mod dirett dwar il-qima li għadna nagħtu lil Alla, ma jitkellimx dwar sagrifiċċji u liturġiji. Jitkellem biss dwar il-ħajja, s-saħħa u l-ġid tal-aħwa. Bħal donnu jrid jgħid li jekk il-qima li nagħtu lil Alla ma twassalx għall-qima tal-aħwa allura hija qima fiergħa. Jekk is-sagramenti ma jwassluxniex li nqisu lil ħutna bħala sagramenti (wirja ta’ Ġesu’), allura, nkunu ġibniehom riti sterili minflok għejjun tal-grazzja. Jekk l-Ewkaristija ma twassalnix li bħal Ġesu’ nagħti ħajti għall-aħwa, allura nista’ ninsa li hija passaport għall-Ġenna. Ġesu’ hawn ma jitkellimx fuq azzjonijiet ħżiena li wieħed jagħmel, lanqas dwar djufijiet purament umani, imma dwar azzjonijiet tajba rigward il-proxxmu li jien kont msejjaħ nagħmel u m’għamiltx, jew li kont msejjaħ nagħmel u għamilt.

Tajjeb li nsaqsu aħna fiex aħna dwar il-kontenut ta’ dan il-ġudizzju?  Ftit eżami tal-kuxjenza ma jagħmilx ħażin, iktar u iktar jekk fin-nofs hemm is-salvazzjoni tagħna.

Ġesu’ jitkellem dwar jekk tmajtx il-proxxmu tiegħi li kien bil-ġuħ. Minbarra il-ġuħ fiżiku li huwa l-iktar ovvju, hemm forom oħra ta’ ġuħ. Min hu bil-ġuħ huwa persuna vunerabbli li m’għandux in-neċessarju biex jgħix. Jien kemm qed nitma’? U x’ qed nitma’? Fil-ħajja mhux li tiekol importanti, imma x’tiekol. U jien x’qed nitma’ lil ħuti; sentimenti ta’ mibgħeda, għira,rabja jew ta’ maħfra, sliem u paċi? Lil min hu bil-ġuħ għall-verita’ qed nitimgħu gideb?

X’qed nisqi lil min hu bil-għatx għall-ġustizzja? Lil min hu bil-għatx għal ħajja qed niżra’ madwaru kultura ta’ mewt? Lil min hu bil-għatx għall-ħajja, imma għadu tant ċkejken biex jiddefendiha, qed niddefendiha jien għalih jew nemmen li għax ċkejken m’għandux dritt jissodisfa l-għatx għall-ħajja?

Kif nimxi ma’ min hu barrani? Kif nġib ruħi ma’ min mhux fiċ-ċirku tiegħi? L-ieħor, dak li ma jaqbilx miegħi huwa għalija wiċċ ix-xitan, jew il-wiċċ ta’ Ġesu’ li għad irrid niskopri? Kapaċi nilqa’ lil kulħadd mingħar ħafna ġudizzji u pre-ġudizzji?

Kif nittratta lil min hu mneżża mid-dinjita’ tiegħu? Jekk naf b’xi ħadd li tilef id-dinjita’ tiegħu, nieħu vantaġġ minnha, niġġustifikaha għax jaqbel lili? Nemmen li ċerti azzjonijiet minnhom infushom ibaxxu d-dinjita’ ta’ wlied Alla, jew għalija kollox jgħaddi? U allura, la kollox jgħaddi, inkompli nbaxxihom fid-dinjita’ billi nagħlaq għajnejja għall-fraġilita’ tagħhom?

Kif nimxi ma’ min hu marid? Narah piz fil-ħajja tiegħi? Jfittex li nkun qrib ma’ min għandu s-salib tal-mard? Għandi ċ-ċans mmur inżur l-morda? X’nagħmel ma’ min hu marid spiritwalment? Nemmen li relazzjoni ma’ Alla hija l-aqwa mediċina għax tasal tagħti sens anke lill-istess tbatija?

Kif nimxi ma’ min dineb? Moħħni biex nxandar id-dnub tal-oħrajn; jew inkella intelliġenti biżżejjed biex nikkundanna d-dnub imma ma nkissirx persuni? Ngħin lil ta’ madwari jersqu għall-indiema u l-konverżjoni?

Aħfruli ta’ dawn il-ħafna mistoqsijiet. Ħa nissorga nagħmel oħra, u tkun tal-aħħar għall-lum! Tixtieq tidħol fil-ferħ ta’ sidek?

Il-Mulej jagħtikom is-sliem.