Ħarsa lejn is-sema

Xħin qrajt u rriflettejt dan il-Vanġelu iltqajt mar-rgħajja u moħħi ġera lejn tfuliti. Ftakart kemm -il darba meta kont daqxejn ta tfajjel nirreċta ta' ragħaj. Niftakar ix-xena ta' meta ir-rgħajja laqgħu l-aħbar tal-anġlu, u il-qtajja li ngħaqdu miegħu. Niftakarna rgħajja żgħar nitkellmu fuq l-istennija tal-Messija. Il-palk kien ikun dlam ċappa, u f'daqqa waħda min kien ikun qed jieħu ħsieb id-dwal jixgħel id-dwal ta' fuq il-palk u aħna niddawlu. Minn fuq il-microphone, xi ħadd moħbi wara l-purtiera tal-palk jħabbar: "Qed nħabbrilkom ferħ kbir...". "Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet"! O żmien ħelu kif għaddejtli! 
 
Nistgħu nimmaġinaw mhux ir-reċta tagħna t-tfal imma meta dawn il-ġrajjiet seħħu fir-realta'. Żgur li r-rgħajja qatt ma reġgħu ħarsu lejn is-sema bl-istess mod. Immaġinaw ftit kif kull darba li kienu jħarsu lejn is-sema kienu jerġgħu jiftakru dak li ġara darba minnhom waqt li kienu jħarsu lejn is-sema. Immaġinawhom ftit jiddiskutu bejniethom: "Benjamin, tiftakar sena ilu xi ġralna waqt li konna qed nħarsu lejn is-sema"? "Kif qatt nista' ninsa' Natan"? Ħsiebi mar ukoll f' Abraham meta Alla ħarġu fil-beraħ u stiednu jħares lejn is-sema u jwiegħdu li nislu kien ser ikun jgħodd iktar minn dawk il-kwiekeb bla għadd. Żgur li Abraham, minn dakinhar qatt ma reġa' ħares lejn is-sema bl-istess mod. Ftakart ukoll f'Marija, bis-sema miftuħ quddiemha tikkontempla it-tħabbira tal-Anġlu. Żgur li Marija qatt ma reġgħet ħarset lejn is-sema bl-istess mod!
 
Imma seta' ġara wkoll li matul iż-żmien ir-rgħajja maqtulin bix-xogħol u ddiżappunti tal-ħajja, nsew dak li raw fis-sema. Nafu li Abraham, f'mument nesa' l-ħarsa li kien ta lill-kwiekeb, iddubita u ra kif għamel biex l-pjan ta' Alla, jwettqu hu, mingħajr Alla.
 
Forsi matul din is-sena lilna ġralna l-istess. Jista' jkun li ħarisna wisq lejn l-art, lejn il-problemi tal-ħajja, lejn xulxin u qlajna għajnejna minn fuq is-sema. Is-sema li rajna darba tinfetaħ quddiemna insejniha u ħallejlna lilna nfusna niġu misjuqa mir-rabja u mid-diżappunt. Sirna morri fi kliemna, ikkonċentrajna wisq fuq ir-relazzjonijiet qatt perfetti tagħna, użajna kliem iebes, qasqasna fuq xulxin, ħadna għalina, sħitna lil Alla li bħal donnu għaddiena bi żmien. Jista' jkun li matul din is-sena ikkonċentrajna wisq fuq il-futur mhux magħruf tagħna, bżajna u tlifna t-tama. Jista' jkun li l-wegħdiet ta' Alla dehru wisq 'l bogħod, u allura ħadna l-liġi b'idejna, għaġġilna, pruvajna nibnu imperu hawn fl-art u ħallejna is-suppervja jew l-għira jsuquna. Jista' jkun li tlifna il-fiduċja fin-nies ta' madwarna, ħrabna u morna fejn ridna aħna u mhux fejn iridna Alla. Forsi użajna l-istorbju biex naħarbu mir-realta' u bżajna nidħlu fi skiet u nerġgħu nikkontemplaw l-wegħdiet ta' Alla. Jista' jkun li tajna l-fiduċja tagħna lil nies, oġġetti li flok tawna d-dinjita' ta wlied għamluna skjavi.
 
Jekk dan ġara fil-ħajja tagħna ejjew nerġgħu noħrġu fil-beraħ u nikkontemplaw is-sema sabiħa kif darba ikkontemplajniha. Ejjew nieqfu u nergħu ngħixu dawk l-esperjenzi li fihom doqna is-sbuħija ta' Alla u l-wegħdiet tiegħU. Ejjew nerġgħu niftakru s-sbuħija tal-qdusija, nerġgħu nibdew minn hemm u nħarsu 'l quddiem b'tama. Dik is-sema tista' terġa' tinfetaħ quddiemna u naraw il-glorja ta' Alla. Ejjew bħal Marija ngħożżu dan kollu f'qalbna u naħsbu fuqu bejna u bejn ruħna. 
 
Taqtax qalbek. Taħt is-salib, fejn ix-xemx tiddallam, int tista' tibqa' wieqaf, għax darba doqt is-sbuħija tas-sema miftuħa, u smajt il-kliem; "Tibżax, qed inħabbarlek ferħ kbir"! Le, iż-żmien ħelu m'għaddiex!
 
Is-Sena t-tajba!