Tlugħ is-sema tal-Mulej

Fis-7 snin li kont ngħix barra minn Malta kienu ħafna drabi li kelli immur l-airport. Matul is-snin l-esperjenzi tiegħi fl-airport imbiddlu mhux ftit. Niftakar li l-ewwel darba li tlaqt kemm tajt u qlajt bews, biki, ċapċip...insomma ħafna emozzjonijiet. Niftakar ukoll l-ewwel darba li ġejt lura. Kien hemm ukoll ħafna nies. Is-sentiment kien dak li ġejt lura d-dar. Id-dar għalija ma kienetx tfisser li ġejt art twelidi imma li sibt lil niesi, in-nies ta’ dari. Bilmod il-mod pero’ is-sitwazzjoni bdiet timbidel. Wara l-ewwel ftit snin bdejt inħoss li n-nies ta’ dari ma baqgħux dawk biss li kienu jkunu qed jistennewni Malta, imma in-nies ukoll li ħallejt warajja. U allura bdejt inħoss li għandi żewġ t’idjar. Mhux l-ewwel darba li kont ninduna li l-ferħ li kien ikolli biex immur art twelidi, kien jitħallat ukoll ma’ ftit niket li kien ser ikolli nħalli warajja nies, ħbieb, li issa kienu saru ukoll parti minn nies ta’ dari. Dan kien jiġri ukoll meta minn Ruma, kont immur f’xi pajjiż ieħor għall-xi prima messa ta’ xi wħud minn sħabi. Nistqarr li l-ferħ ma kienx ikun biss għax sejjer f’pajjiż ġdid, imma għax ser niltaqa’ ma’ xi wħud minn sħabi li magħhom għext u studjajt. Fi ftit kliem, dak li kien iferraħni, ma kienx ikun il-post, imma ir-relazzjonijiet. Fil-Van, fit-train jew fl-ajruplan, iktar ma kont naħseb fuq il-pajjiż ġdid li kont ser nżur, kont naħseb ma’ min kont ser niltaqa'!

Xi ħaġa hekk qed jgħid Ġesu’ illum. Anke Ġesu’ kellu ARRIVAL u DEPARTURE. Ġie fid-dinja, u biex għamel hekk kellu jħalli lil ta’ daru. Ħalla lil Missier, u ġie jgħammar f’familja ġdida. Pero’ illum qed niċċelebraw id-DEPARTURE ta’ Ġesu’. Fejn mar Ġesu’? Mar jiltaqa’ mal-Missier. Mhux il-post l-importanti imma r-relazzjoni li kienet issostniħ dejjem, ir-relazzjoni ma’ Missieru. Kemm –il darba qal: “Sejjer għand il-Missier”. Darba waħda qal dwar dan lid-dixxipli u dawn iddejqu għax kien ser iħallihom. Ġesu’ donnu ħa ftit għalih u qalilhom li flok jiddejqu imissom ferħu li sejjer għand Missieru.

U dan hi dak li qed niċċelebraw illum. Aħna, ilkoll kemm aħna, xi darba għad ikollna DEPARTURE minn hawn. Il-biljett ġa lest, ġa maqtugħ, ġa mħallas. L-unika ħaġa hi li ma nafux eżatt meta ser jitlaq l-ajruplan, jew il-vapur...li tridu. Pero’ nafu li hemm xi Ħadd li ser ikun il-port, jistenniena, jilqgħana, jgħannaqna miegħu. Il-vjaġġ jista’ jkun wieħed skomdu u diffiċli, pero’ nafu li n-naħa l-oħra hemm xi Ħadd jistenniena. Waqt dan il-vjaġġ ħaġa waħda hi essenzjali li nżommu f’moħħna ma’ min ser niltaqaw...li ngħixu fil-fond din ir-relazzjoni. Li nsiru mitħla, ta’ ġewwa, il-maħbuba ma’ Dak li qed jistenniena.

Il-ħajja tkun differenti ħafna, isbaħ meta nafu li hemm xi Ħadd jistenniena. Nafu li minn issa stess nistgħu ngħixu din ir-relazzjoni, nafu li minn issa nistgħu nħossu f’qalbna lil dak li qed jistenniena. Minn issa stess nistgħu ngħixu bħall li kieku ġa ninsabu miegħu. U allura nieqfu nippretendu li aħna qatt mhu ser nsiefru. Jista’ jiġri li ninsew li għadna niltaqaw miegħU, anzi dak huwa l-iskop ta’ ħajjitna. Nibdew naqilgħu għajnejna minn fuq is-sema u naħdmu biss biex inkunu komdi hawn fl-art, biex nkunu apprezzati, nitkarrbu għall-ftit imħabba u ninsew li dan li hawn hawn isfel jgħaddi kollu. Kemm nies jgħixu daqs li kieku xi ħadd tagħhom garanzija li m’għandhomx biljett għad-DEPARTURE. Jgħixu daqs li kieku n-naħa l-oħra ma hemm ħadd jistennihom! Meta nħarsu ‘l fuq anke l’affarijiet t’hawn isfel jieħdu togħma itjeb.

Ejjew mela nħallu lil Mulej jħeġġilna qalbna, jimliena bil-ferħ tiegħu, ejjew nibdew ngħixu din ir-relazzjoni mal-Mulej, ejjew nidħlu f’intimita’ miegħu.

Ġesu’ jafek u jħobbok, ħallieħ iġennek b’imħabbtu. Hu biss kapaċi jwessa il-qalb żgħira tiegħek. Hemm lesti għalik ħwejjeġ kbar, ferħ bla qies, imħabba u ferħ ta’ ġenn għall-dejjem. Ejjew nieqfu ftit naħsbu fuq il-futur u nibdew naħsbu fuq l-Eternita’.