V Ħadd matul is-sena

 

Meta konna żgħar il-melħ kien parti essenzjali mill-ikel fil-familja tagħna. Niftakar l-ommi titfa’ ftit melħ fil-borma, ittiegħem l-ikel, tieqaf ftit, imbgħad jew iżżid ftit, jew inkella tgħid, kultant f’qalbha u kultant b’mod li jinstema’: “tajjeb”.  Ħlief dik id-darba li bis-sħana inħall it-tapp tal-melħ u l-għaġin sefa’ mgħolli bħall-donnu fl-ilma baħar! Illum l-affarijiet inbiddlu u il-melħ sar optional. M’għadux dritt tiegħu li jintefa’ fil-borma imma jistenna kwiet kwiet fuq il-mejda biex jien, darba fil-ġimgħa, ikolli ħniena minnu. Hekk sewwa u hekk xieraq. Min irid jieħu. Kulħadd kuntent.

Hu x’inhu, il-melħ hu ingredjent li jagħti togħma tajba u Ġesu’ dan kien jafu tant li lilna jqabbilna mal-melħ. Żgur li Ġesu’ kien jaf x’kien l-użu komuni tal-melħ; jagħti togħma, jqabbad l-għatx, jiftaħ l-aptit, u jippreserva l-affarijiet milli jiħżienu.

Ġesu’ meta jgħid li aħna melħ qed jurina min aħna u jagħtina missjoni. Jgħid li aħna ġa melħ imma jekk irridu nħallu effett rridu nitħalltu. Il-melħ waħdu tajjeb, imma jekk ma jitħallatx kif jista’ jkun hemm min igawdi mit-togħma li jista’ jagħti?  Kif jista’ il-melħ jiftaħ l-aptit jekk xi ħadd ma jieħux ftit? Kif jista’ jitimola l-għatx jekk dak li jkun ma jagħmilx użu minnu? U l-istess kif jista’ jippreserva l-affarijiet milli jmorru, jekk il-melħ ikun fuq il-mejda u l-affarijiet li għandhom jiġu preservati x’imkien ieħor? Il-melħ fuq il-mejda t’ommi vera tajjeb, imma waħdu fuq il-mejda, jekk ħadd ma jużaħ, ftit għandu effett.

Għalhekk Ġesu’ jagħtina wkoll missjoni li nitħalltu, li nidħlu fid-dinja, li b’xi mod inkunu togħma tajba fejn inkunu. U kif ser inkunu? Eżatt qabel dan id-diskors dwar il-melħ u d-dawl Ġesu jagħmel id-diskors famuż tal-muntanja. U propju jgħid kif nistgħu nagħtu togħma. Jgħidilna kif nqabbdu l-għatx għall-Alla, kif niftħu l-aptit tal-oħrajn għall-dak kollu li hu Vanġelu. Jgħidilna li aħna nistgħu nippreservaw dinja sabiħa, ‘l hemm minn kull ħsara.

Jekk aħna nkunu foqra f’qalbna, jekk ikollna qalbna ħelwa, jekk għandna l-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, jekk inħennu, jekk qalbna safja, jekk inġibu il-paċi. Tiġi ovvja li kull min hu mwaħħal mal-affarijiet u ftit lest li jaqsam mal-oħrajn ma jistax ikun melħ. Min hu qalbu iebsa, min mhux qalbu sajfa ftit kapaċi jagħti togħma tajba. Min hu inġust ma jistax jiftaħ l-aptit għall-Alla, u min ma jħennx ma jqabbdekx l-għatx għaliH. Min moħħu biex jiġġieled u jaqla’ l-inkwiet ftit li xejn jista’ jippreserva dinja sabiħa u tajba.

Ġesu’ huwa sempliċi u ċar. B’element dasqshekk naturali jgħid min hu u x’għandu jkun in-nisrani. Ovvajment b’xi mod ilkoll kemm aħna għadna ftit lura milli nagħtu togħma tajba kull fejn inkunu, imma b’Ġesu’ fina nistgħu naslu. J’Alla ħadd ma jaqta’ qalbu li jaħseb li mhux tajjeb għall-xejn ħlief biex jintrema mal-art u jintrifes minn nies!

 

Il-Ħadd it-Tajjeb