V Ħadd tal-Għid

Mulej fejn sejjer? Hija d-domanda li fl-aħħar ċena jagħmluha kemm Pietru u kemm Tumas. Ftit qabel dawn il-kelmiet li smajna llum Ġesu' jagħmel diskors mad-dixxipli dwar id-destinazzjoni tiegħu. Jgħidilhom li fejn sejjer Hu, huma ma jistgħux jiġu. Imbgħad jgħidilhom: Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin..." Lil Tumas, li jilmenta: Mulej, ma nafux fejn sejjer, kif nistgħu nafu t-triq? Ġesu' jwieġbu li huwa hu t-Triq, il-Verita' u l-Ħajja u li ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħu. 
 
Ġesu' jaf fejn sejjer; sejjer għand il-Missier, u jaf li t-triq hija l-imħabba. U l-imħabba ta' Ġesu' għandha isem partikulari: is-salib!
 

L-imħabba ta' Ġesu' mhix biss l-imħabba li tagħmel kollox faċli, li twiegħed li kollox ser ikun sew dejjem, li mhux ser ikollna nkwiet jew tbatija. L-imħabba ta' Ġesu' hija vera għax mhix maqtugħa mir-realta'. "Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi ikun fikom u l-ferħ tagħkom ikun sħiħ". Min jimxi wara Ġesu'; jaf u jaċċetta zewġ realtajiet; li msejjaħ għal-ferħ, u li dan il-ferħ ikun fil-milja tiegħu jekk jgħaddi mill-prova tan-nar. 

Ġesu mhux inġenwu; jaf u jifhem li d-dixxipli tiegħu għadhom mhux lesti jħallu ħajjithom għalih. Jaf u jaċċettaha. Jgħidilhom ċar u tond li fejn sejjer hu, għalissa huma ma jistgħux imorru. Huma ċerti li jistgħu jaslu, imma kienu għadhom ma rawx sa fejn kapaċi twassal l-imħabba ta' Ġesu'; kienu għadhom ma rawhx jgħaddi mill-prova tan-nar. Qabel ma jitilqu għal għonq it-triq kellhom l-ewwel jgħaddu mill-esperjenza tad-dnub, tal-fraġilita' u l-abbandun. 
 
Tħallix qalbek titħawwad jekk għalissa għadek ma tafx fejn sejjer, jekk Ġesu' jidher 'l bogħod, jekk qed tibza', jekk tħoss in-nuqqas tiegħu, jekk għadek m'intix lest tgħaddi mill-prova tan-nar, jekk d-dnub itaqqlek. Meta u kif irid Hu jeħilsek, u tibda tterraq fi triq tal-imħabba mingħajr kwazi qas tinduna. Imbgħad f'mument tinduna li qed timbidel, li għaddej mill-prova tan-nar, li t-tbatija tikber imma jikber ukoll il-ferħ; tkun għaraftu fil-qsim tal-ħobz. U hekk kif ikollok ħjiel tiegħU jerġa' jaħrablek biex int terġa' tfittxu. Abbli tagħmel ħajtek tilgħab noli, issibu u jerġa' jinħeba minn quddiem għajnejk. Tħallix qalbek titħawwad...emmen li kull darba li jistaħbielek, kull darba li titlef it-triq ser jerġa' juri lilu inniffsu bi glorja u sbuħija akbar.
 
Tħallix qalbek titħawwad...