VI Ħadd tal-Għid

Ġesu’ dan id-diskors jagħmlu fl-aħħar ċena; qed jgħidilhom li l-preżenza fizika tiegħu mhux ser tkun magħhom għal dejjem. Id-dixxipli, b’mod naturali huma mwaħħda. Jafu li hu mhux ser ikun magħhom għal dejjem. Propju għalhekk jgħidilhom: "Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża".

Is-sentimenti ta’ min qed jaqra l-Vanġelu, fl-ewwel kommunitajiet nsara huma l-istess. Ġesu’ b’mod fiżiku m’għadux magħhom. Ma jistgħux jisimgħu iktar leħnu, ma jistgħux jħossu t-tgħannieqa tiegħu, mhux qed iħossu iktar l-kuraġġ li kien jagħtihom meta kien għadu magħhom. Għalkemm jafu u jemmnu li Ġesu’ rebaħ il-mewt, imma issa tela’ s-sema u t-telfa jħossuha qatiegħ.

Il-persekuzzjoni fl-ewwel komunitajiet nsara zgur li kompliet ħawdet lid-dixxipli tiegħu. U Ġesu’ jindirizza dan is-sens ta’ telfa. Jaf li mhux faċli. Għalhekk jgħinhom jifhmu li għalkemm it-telfa hija kbira, għalkemm l-assenza tiegħu tinħass, imma issa jridu jitgħallmu jħossu l-preżenza tiegħu b’mod differenti.

Għad-dixxipli ta' Ġesu' din kienet prova kbira. Kull meta Ġesu kien iħalli lid-dixxipli weħidhom kien jibżgħu. Niftakru meta ħallihom weħidhom fid-dgħajsa, darba għax raqad u darba oħra għax kien fuq il-muntanja jitlob. Id-darbtejn beżgħu! Beżgħu ukoll meta Ġesu ġie arrestat. Insomma ma nitkażawx bihom. Kull meta aħna nħossuna weħidna l-istess nagħmlu: kull meta naħsbu li Alla nsiena, li Alla raqad, li ma jimpurtaħx minna. Jista' jiġrilna l-istess meta naħsbu li xi ħadd serqilna, ħbielna lil Ġesu'. Nħossuna mbeżża. Nibdew nibżgħu li xi ħadd ser jagħmlilna il-ħsara. L-appostli anke meta Ġesu' qam mill-mewt reġġgħu spiċċaw fiċ-ċenaklu, maqfula, minħabba li beżgħu li issa ser jispiċċaw huma wkoll ma' xi salib! 

Il-Mulej jaf li mingħarju ma nistgħu nagħmlu xejn, jaf illi aħna malajr ninsew il-mumenti sbieħ miegħu, malajr ninsew il-kliem li jkun qalilna, anke jekk dak il-kliem kien irnexxielu għal ftit ħin iħeġġilna qalbna. Jaf li aħna minn dawk li malajr nilqgħu il-Kelma, imma malajr ukoll nitilfuha jew ninsewha minħabba it-toqol tal-ħajja. Jaf li aħna f'nifs ngħidu li lesti immutu għalih u f'nifs wieħef niċħduh u ngħidu li ma nafhuhx. 

Allura tassew hemm bżonn li xi Ħadd jiġi u jfakkarna dak kollu li kien qalina Ġesu', jiġi xi Ħadd li jfakkarna li dak li qal Ġesu' jagħmel sens, jgħolli il-kwalita' tal-ħajja tagħna. 

Iva, hemm bżonn li jiġi xi ħadd li jurina kemm hu sabiħ il-kliem ta' Ġesu: "Ħenjin il-foqra f'qalbhom, ħenjin l-imnikktin, ħenjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, ħenjin il-ġwejdin, ħenjin dawk li jġibu il-paċi, ħenjin aħna meta jgħajruna u jippersegitawna". Hemm bżonn li jiġi xi ħadd u jqawwina għax faċli ħafna li meta naraw l-esiġenzi tal-Vanġelu, meta nħossuna ibbumbardjati minn kull naħa, nissieħbu mad-dinja, almenu ma taqlalniex iktar qalbna. Nibdew infittxu dak it-taparsi sliem li d-dinja twiegħed. Iva id-dinja twiegħed ħafna imma mhux neċessarjament tagħtina s-sliem. U int arak tiġri biex issib is-sliem imma arak issir skjav ta’ dawk l-affarijiet li suppost qed jimlewk bi ftit paċi.

U allura x’ ser nagħmlu? Ġesu’ jrid jgħallimna ngħixu dak il-vojt. Mhux skandlu li d-dixxiplu ta’ Ġesu’ jħoss il-vojt, jagħmel esperjenza tal-assenza ta’ Alla. Meta l-vojt ma taħarbux, dik l-assenza ssir preżenza ħelwa. Il-ġuf vojt ta’ Marija ssir preżenza ta’ Alla l-Għoli. Jekk taħrab il-vojt, il-vojt jiġri warajk u jimliek. Jekk tiddeċiedi li tgħix il-vojt, dak il-vojt isir spazju fejn jgħammar Alla, u jagħtik ħafna iktar minn dak li qalbek tista’ titlob jew tixtieq.

Allura tassew hemm bżonn l-ISPIRTU ta' Ġesu' biex jagħtina il-veru sliem: dak is-sliem li jgħammar f'min hu ppersegwitat imma ħieni. Dak is-sliem li jgħammar f'min iħoss li ħajtu hija telqa f'idejn Alla u mhux tellieqa ‘l bogħod mill-vojt. Is-sliem li jgħammar f'min irrikonċilja ruħu mal-ħajja, mal-istorja tiegħu u mhux ġirja sfrenata ‘l bogħod mill-vojt. Allura għix il-vojt u ħalli Lilu jimlieh.

“Ma nħallikomx iltiema”! Le, m’aħniex iltiema.