Il-11 il-Ħadd matul is-sena

 

Ma nafx qatt rajtux il-film Chocolate. Jekk le, fi ftit kliem ser nirrakuntalkom l-istorja. Jiġri li f’raħal ultra konservattiv tasal mara, kemmxejn fuq tagħha li tiftaħ confectionary. Tgħidu x’kienet il-problema! Din l-imbierka ta’ mara jfettlilha tiftaħ il-ħanut fi żmien ir-Randan, żmien fejn forsi ftit differenti mill-lum ħadd ma kien jissogra jiekol il-ħelu. Is-Sindku tar-raħal jagħmel minn kollox biex din il-mara l-ħanut ma tiftħux. Nhar ta’ Ħadd, minn fuq il-pulptu kien iwassal il-messaġġ tiegħu kontra il-ħanut taċ-ċikkulata. Kif? Billi jikteb l-omeliji lill-Kappillan u il-povru Kappillan żgħażugħ kien ikollu jaqrahom. Kif jispiċċa il-film? Il-ħanut jinfetaħ u għodwa waħda isibu lil-Sindku fil-vetrina tal-ħanut taċ-ċikkulata, ‘fgat’ fiċ-ċikkulata. Miskin...kien sforza żżejjed biex ma jaqax u waqa’. Il-waqgħa kienet kbira tant li spiċċa il-buffu tar-raħal.

Hekk jiġrilu minn jaħseb li hu tajjeb biss bil-ħila tiegħu. Hekk jiġrilu min imur quddiem Alla, jagħmel xagħru sew, jilbes il-ġlekk u l-ingravata, iħejji speech sabiħ u jgħidlu: “O Alla kemm jien tajjeb, kemm jistħoqqli li int tħares lejja u tammirani”. Hekk hu: “O Alla ammirani”. “U allura", jirraġuna min ikun bħall-Fariżew, "għalfejn ħa noqgħod nħabbel moħħi biex nipprepara l-ilma għal riġlejk? U allura għalfejn għandi noqgħod ninkwieta li nbusek, u għalfejn għandi noqgħod ninqala biex nidliklek rasek biż-żejt”!? “Jien Mulej, nagħmel l-indispensabbli, nagħmel dak biss li titlob il-Ligi”! X’jonqosni nagħmel iktar, ġa għamilt kollox”!

Imma miskin min għandu din ir-relazzjoni ma’ Alla ma jindunax li r-reliġjożita’ tiegħu hija biss formaliżmu, burokrazija spiritwali. Ikun hemm nieqes fiha l-iktar ħaġa importanti: L-imħabba. Il-mara midimba, ma kelliex il-formaliżmi kollha tal-Fariżew, imma kienet tħobb. Għalhekk ma sabitiex diffiċli li tintefa f’riġlejn Ġesu’.

Il-bniedem li jagħraf li hu midneb kapaċi jibki. Jibki għax jinduna kemm ħela ħin, kemm tilef żmien u dinjita’. Jibki għax jinduna li mhux kull min iwiegħed imħabba kapaċi jagħtiha. Il-Fariżew żgur li ma kienx ser jibki, hu kien tajjeb, u fil-fond ta’ qalbu kellu iċ-ċertezza li kien ser jibqa’ tajjeb, mhu ser jiżbalja qatt, u allura jista’ jippunta sebgħu, l-istess bħas-sindku ta’ Chocolate. Il-mara tibki għax iltaqgħet mal-imħabba. Tibki għax tħossha mifdija, tibki bil-ferħ li minn għada paġna ġdida.

U Ġesu’ lilha jiġġustifika...lilha juri mħabbtu, ma ċanfariex. Ma kellux għalfejn, kienet niedma u sogħbiena. L-istess salmi jgħidulna: “Qalb niedma u sogħbiena ma twarrabiex o Alla”. J’Alla jkollna l-istess qalb ta’ din il-mara li tagħraf id-dnub tagħha. Ma kienetx mara li dwar id-dnub qalgħet: “Imma x’hemm ħażin”? Ma kienet lanqas tippretendi li hi bla dnub! Le, dnubha għarfitu, imma fuq kollox għarfet għand min għanda tmur!

Ejjew nitolbu il-grazzja li ma nkunux bħall-Fariżew, niġġudikaw bl-addoċċ, għax nafu li min jinħafirlu ftit, ftit iħobb. La qed nitolbu din il-grazzja ma niġġudikawx lanqas lil Fariżew, għax hekk kif inkunu iġġudikajnieħ inkunu sirna bħalu.