Karozza żgħira...

Agħfas hawn għall-Liturġija tal-Kelma
 

Hawn min iħobb isuq karozza kbira; fiha vantaġġi u żvantaġġi. Tista’ trikkeb iktar nies, iktar komda, tista’ ġġorr iktar fiha. Pero’ il-parking kultant vera diffiċli; ddum ddawwar, dieħel u ħiereġ. Madanakollu tgħidx lil min isuq karozza kbira isuq waħda żgħira, jgħidlek li jħossu ġo kaxxa tas-sulfarini! Forsi tgħidu? X’għandu x’jaqsam dan mal-Vanġelu tallum? Għandu mela m’għandux! Araw ftit!

Ġesu’ illum jgħidilna biex nidħlu mill-bieb id-dejjaq. Donnu Ġesu’ dejjem irid jisfurzana nintrassu biex ngħaddu minn x’imkien. Darb’ oħra kien qal li eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-saltna tas-smewwiet. Iridna nħallu dak kollu li jingombrana u nidħlu ħfief ħfief fis-Saltna. F’kelma waħda iridna niċċekknu. Iridna ċ-ċkejkna tal-Vanġelu.

Biex nidħlu fil-Ħniena tiegħu rridu propju nsiru ċkejkna, ninżaw is-suppervja. Il-Ħniena tiegħu hija bla tarf imma il-bieb għaliha huwa ċkejken ċkejken. U kif ser nsiru ċkejkna biex ngħaddu minnu? Billi nagħrfu li aħna dgħajfa, li aħna midimbin, li għadna bżonn min ifejjaqna. L-ewwel pass li rridu nagħmlu biex niksbu il-fejqan huwa li b’umilta’ naċċettaw li aħna morda. Quddiem it-tabib ikollna numiljaw ruħna. Ma tistax lit-tabib taħbilu x’għandek għax tistħi!


Imma peress li ħafna drabi nibżgħu niċċekknu u nistħu nistqarru li aħna dgħajfa, nagħmlu minn kollox biex minn barra nuru li aħna b’saħħitna u allaħares xi ħadd jinduna li aħna m'aħniex għax taqa’ d-dinja. Inħossuna feruti fil-“jien imkabbar” tagħna.

L-istess spiss jiġrilna fil-ħajja tagħna ma’ Alla. Quddiemu nispiċċaw nintefħu, inpenġu lilna nfusna bħala nies tajba, perfetti u arana mmorru quddiemu minfuħa bl-opri tajba tagħna. Imma hu jgħidlna: “Tħabbtu li tidħlu mill-bieb id-dejjaq”. U vera titħabat trid għax ħafna drabi insibu ruħna wisq imkabbrin b’dak li aħna. U allura arana nużaw ħafna mekkaniżmi ta’ difiża biex naffermaw li aħna “ok”; ma jmurx id-dnub tagħna jumiljana. Allura arana ngħidu li t-tali għemil mhux ħażin, nispiċċaw niġġustifikawh, ma jmurx nindunaw li huwa dnub u nistħu. Jiġrilna li flok ngħidu: “Jien dgħajjef u għadni ma wasaltx ngħix is-sewwa kollu”, ngħidu “X’hemm ħażin”? U hekk inraqqdu il-kuxjenza ma tmurx il-verita’ tumiljana!

L-istess nispiċċaw nagħmlu meta nitfgħu r-responsabilita’ ta’ dnubna fuq l-oħrajna. L-iskuża li ħaddieħor wassalna niżbaljaw, aħna m’għandniex tort! U hekk inraqqdu il-kuxjenza ma tmurx il-verita’ tumiljana!

Imma li nindunaw li aħna midimbin mhix daqshekk tal-biżgħa, anzi j’alla dnubna jċekkinna illum qabel għada. Jaqblilna! Qabel xejn meta ninduna li jien midneb hemm grazzja fin-nofs! Grazzja li ssejjaħli għall-qdusija ikbar. In-nisrani meta jiskopri li huwa midneb ma jsawwatx lilu nniffsu imma jixxennaq għal-qdusija ikbar.

Hemm bżonn li nindunaw li aħna midimbin ukoll biex nagħmlu esperjenza tal-ħniena tiegħu, inkella faċli nemmnu li aħna bravi żżejjed u nibdew naħsbu li –salvazzjoni mhix għalina imma għall-midimbin! U aħna? Aħna bravi!

Jekk dnubna ma jċekkinniex, ma naslu qatt niċċekknu quddiem id-dnubiet ta’ ħutna. Arana niġġudikawhom; ovvja nħossuna superjuri fuqhom. Imma jekk nagħrfu d-djufija tagħna faċli nifhmu lil min bħalna hu dgħajjef u flok niġġudikawh ngħinuh.

“Tħabbtu” jgħid Ġesu’. Kif? Bit-talb! Huwa l-uniku mod kif nitgħallmu l-umilta’. Iva Mulej tina l-umilta’, għamilna żgħar, ħalli ngħaddu mill-bieb id-dejjaq, li wara kollox huwa int: “Jien il-Bieb tan-nagħaġ” għedtilna darba. Iva, għina nsisru ċkejkna għax “min jiktabbar, jiċċekken u min jiċċekken, jitkabbar”.

Fl-aħħar mill-aħħar, forsi karozza żgħira aħjar! 

Il-Mulej jagħtikom is-sliem