It-12 il-Ħadd matul is-sena

 

Immaġina li tkun qed issuq u tiltaqa’ ma’ Billboard b’differenza, għall-ewwel tpeċpeċ ftit għajnejk biex tara jekk tkunx qed taqra sewwa. Fuq il-Billboard hemm ritratt ta’ Ġesu’ Kristu u maġenbu hemm il-kliem: “Min irid jiġi warajja, irid jiċħad lilu innifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja”. Tkompli ssuq ftit u tiltaqa’ ma’ Billboard ieħor! Dan isbaħ! Hemm l-istess ritratt ta’ Ġesu’ u maġenbu hemm il-kliem: “Jeħtieġ li Bin il-Bniedem ibati ħafna”. Tajba ukoll! L-għada filgħodu tiftaħ il-gazzetta u issib headline li jgħid: “Billboards b’differenza”.

Tifmhu għalfejn fil-bidu bdejt bil-kelma “Immaġina” għax nassumi li dawn l-affarijiet jiġru biss fl-immaġinazzjoni tiegħi. Imma jekk fil-gazzetta qrajna: “Billboards b’differenza”, ma nkunux qed nimaġinaw jekk ngħidu li Ġesu’ huwa Messija b’differenza. Din huwa il-ħsieb tal-Vanġelu tallum. L-ewwel ma rridu nifmhu huwa li Ġesu’ huwa tassew Messija, u Messija differenti minn kull min fl-istorja tal-bniedem propona lilu innifsu bħala Messija. 

Kien hu biss li rrnexxielu jkun rivoluzzjonarju mhux bil-ġlied, imma bl-imħabba. Miegħu irridu nżidu kull min bħalu, fuq il-passi tiegħu, għamel l-istess rivoluzzjoni. Kien hu li rnexxielu joħroġ bi ħmerija (għall-għajnejn id-dinja ovvjament!) li wieħed biex jirbaħ lill-għadu tiegħu irid iħobbu. Għalina mhi ħmerija xejn għax nafu li l-għadu normalment hu beżżiegħ u għax bażżiegħ vjolenti. Allura għandu bżonn ifiq u dan il-fejqan jista’ jsibu biss fl-imħabba, jekk le jibqa’ jkun beżżiegħ u vjolenti.

Kien dan il-Messija b’differenza li jirnexxielu jasal jgħid li huma ħenjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, ħenjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja.

Kien dan il-Messija b’differenza li jasal jgħidlek li jekk tun ser itella’ l-offerta tiegħek fuq l-artal u tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, tħalli l-offerta hemm, tmur tirranġa miegħu, imbgħad itella’ l-offerta.

Kien ukoll dan il-Messija li jgħidlek biex min itik daqqa fuq ħaddejk il-leminija ddawwarlu l-oħra biex tiġi pariġġ, u jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil, tmur miegħu tnejn...immaġina ftit jekk dak ix-xi ħadd ikun idejqek!

Huwa dan il-Messija b’differenza li illum qed jgħid li iva biex tkun dixxiplu tiegħu trid tagħmel paċi mas-salib. Sakemm is-salib tibqa’ tqisu bħala għadu tiegħek u tiġġelidlu bħala xi ħaġa ‘l barra minnek ħa tkompli tiġġieled fl-ajru, ser tkompli taħli l-enerġija qisek qed tagħti daqqiet ta’ ponn lir-riħ. Ġesu’ qed jistiednek tagħmel ħabib mas-salib, tilqgħu, għax hu hekk għamel, laqgħu u għamel minnu għodda ta’ ħelsien.

Ġesu’ ma jridx li nilludu ruħna. Darba minnhom kien qal: “Fid-dinja tbatu jkollkom, imma agħmlu il-qalb jiena rbaħt id-dinja”! U hekk hu, fli naċċettaw is-salib Ġesu’ jrid jagħmilna nies ħielsa, saħansitra minn ħajjitna stess, mill-illużjoni li ħajjitna tista’ tkun dejjem taħt xi umbrella fuq xi xtajta fil-karibew. Ġesu’ irid jagħmilna ħielsa mill-illużżjonijiet imma fuq kollox jqawwilna qalbna li fis-salib nistgħu nkunu nies ta’ tama, ħienja.

Iebes dal-kliem! Min jista’ jifmhu? Mulej agħtina d-dehen.