It-13 -il Ħadd matul is-sena

 

Ma nafx ġiliex iltqajtu ma’ xi ħadd li ma tkunx taf xi jrid u bħall-donnu kull darba li tkellmu tispiċċa titħawwad. Eżempju żgħir. Tisma’ lil xi ħadd igerger li għandu x’jagħmel u ma jistax ilaħħaq max-xogħol. Inti toffrilu li tmur tgħinu biex tagħmillu pjaċir. Malli toffrilu l-għajnuna joħroġlok kaxxa kundizzjonijiet: “Kun fil-ħin”, “iġġib lil ħadd miegħek”, “ejja liebes tax-xogħol”, “waqt ix-xogħol m’hemmx tpaċpiċ” etċ etċ etċ. Immaġina li tmur tgħinu u wara li tlestu jgħidlek: “Stajt għamilt naqra aħjar”! Għiduli ftit dak il-ħin xi twieġbu!

U forsi xi ħadd, wara li jisma’ dan il-Vanġelu jgħid: “Imma xi jrid dan Ġesu’”? Mela wieħed iwiegħdu li ser jimxi warajħ kull fejn imur u kwazi jgħidlu le. L-oħrajn isejħilhom hu, imma jagħmlulu kundizzjoni, u allura kważi jisfurzahom immorru warajħ.  

Biex nifhmu dan il-Vanġelu irridu imorru propju fl-ewwel vrus tiegħu: “B’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm”. Ġesu’ jaf fejn sejjer u determinat. Jaf li issa jonqos jitla’ Ġerusalemm u hemm ser ikollu iġorr is-salib. U allura dak kollu li ma jidħolx fil-loġika tas-salib, kull min ma jidħolx fis-salib ma jistax jimxi warajħ. Il-Ħadd li għadda Ġesu’ qalilna li min irid jimxi warajħ, irid jiċħad lilu innifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajħ.

L-ewwel persuna li tersaq lejn Ġesu’ huwa dak li jrid jimxi wara Ġesu’ imma qabel ma qiesx l-affarijiet sewwa. Huwa il-happy go lucky, il-prużuntuż illi wara jġib l-iskuża: “Heq ma kontx naf”, jew inkella “Qatt ma ħsibt li ser tkun daqshekk diffiċli”. Dan il-kliem jixbaħ lil ta’ wieħed ieħor, sinċier imma wkoll prużuntuż li jgħid lil Ġesu’ li lest imur warajħ sal-mewt: “Jien nagħti ħajti għalik”! “Int tagħti ħajtek għalija?” “U is-serduk idden”. Kemm drabi jiġri lilna wkoll li nibdew nimxu wara Ġesu’ b’entużjażmu imma wara ftit , meta l-affarijiet jibdew jitqalu, nergħu naħsbuha. Ħafna drabi dan jiġri għax inkunu afdajna wisq fil-forzi u fil-kapaċitajiet tagħna. Fil-mument li niddeċiedu li nimxu wara Ġesu’ inħossuna supermen, imma Ġesu’ ma jridx supermen warajħ. Irid nies li kapaċi jagħrfu li kien hu li sejħilhom, u mhux huma li pproponew lilhom infushom. Min jipproponi lilu inniffsu normalment jaħseb li hu tajjeb u kapaċi iktar minn min sejjaħlu. 

It-tieni persunaġġ huwa dak li dejjem isib xi skuża biex ma jimxix wara l-Imgħallem. Forsi dan il-persunaġġ huwa dak li jaf tajjeb li timxi wara Ġesu’ mhux faċli u allura kull meta jsejjaħlu iġiblu xi skuża. Għadna ħafna fil-Bibbja li pruvaw iġibu xi skuża: “Għadni żgħir” “Ma nafx nitkellem” “Marti issa mdaħħla fi żmien”!  U Ġesu’ meta jsejjaħ m’għandux dubji! 

It-tielet wieħed huwa dak li huwa wisq marbut mall-persuni li jħobb. Fil-ħajja jipprova jkollu żewġ prijoritajiet. Sieq ‘l hawn u sieq ‘l hemm. Jekk jista’ jkun ma nweġġa lil ħadd u allura jekk irrid ngħid kelma favur il-Vanġelu ma ngħidiex għax nibża li nweġġa lil xi ħadd. Jekk mistieden nagħmel biċċa xogħol ta’ ġid lil xi ħadd u naf li xi ħadd li jien inħobb ser jiddispjaċieħ ma nagħmiliex, għax inkella naqla t-trouble. Dejjem nikkalkula li ma mmurx nirfes il-kallu ta’ xi ħadd u allura fil-Knisja ta’ Alla u barra tad-dinja. Dejjem attent li ma nitlifx il-ħbieb. Bħall donnu għandi żewġ  prijoritajiet, f’żewġ postijiet differenti. Imma nafu li prijorita’ hija waħda, dejjem u kullimkien.

Jekk Ġesu’ sejjaħilna nkunu dixxipli tiegħu, irridu nkunu tiegħu dejjem u kullimkien, quddiem għajnejna irridu nkunu ċari li biex nkunu tiegħu irridu ngħaddu ukoll mill-Golgota, nissallabu, imma ċerti mill-Qawmien.