It-23 Ħadd matul is-sena

 

Esagerato! Donnu l-ewwel impressjoni leġittima tagħna ta' dan il-Vanġelu tista' titfisser tajjeb b'dan il-kliem! Kif? Dan Ġesu' jgidilna li l-ewwel u l-aqwa kmandament huwa li tħobb lil Alla b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'saħħtek kollha u t-tieni li tħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek inniffsek, imbgħad joħroġ b'waħda bħal din. "Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lil uliedu, ’l ħutu subien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu". Kieku konna ħdejh dak il-ħin konna ngħidulu ċar u tond: "Int bis-serjeta?"
 
Pero' mhux jesaġera ta! L-Imgħallem fil-lista ta' nies li jsemmi jitkellem dwar dawk il-persuni li suppost jagħtuna sigurta'. Dawk li jagħtuna identita'. Il-ġenituri huma l-oriġini tiegħi, l-għeruq, il-passat, dawk li sawwru 'Il-Jien". Il-mara jew ir-raġel tiegħi huma l-kumpanji li fil-preżent jagħmluni jien min jien. Uliedi huma l-futur tiegħi. Ħuti huma s-sostenn familjari tiegħi. Allura dawn in-nies f'ħajti huma propju dawk li jsawru d-dimensjonijiet kollha ta'ħajti; passat, preżent u futur. Ġesu' bħall-donnu jrid jgħidilna: "Tajjeb, dawn id-dimensjonijiet isibu biss sens jekk mdawwla minni, jekk ma jirnexxielekx tara lili fihom isiru piz jew allat". 
 
L-Imgħallem iridna li ħarsitna tkun fuqu biss anke għax żgur jiġu mumenti f'ħajjitna fejn il-profondita' ta' qalbna issib mistrieħ biss fiĦ. Mhux faċli nammettu li f'ċerti sitwazzjonijiet tal-ħajja Alla biss jista' jagħti sens lil dak li nkunu għaddejjin minnu. Hemm realta' li tasal tisboq anke is-sbuħija tar-relazzjonijiet umani li hija Alla. 
 
Mhux diskors faċli dan. Kull meta l-Mulej jistedinna nħarsu ‘l hemm minn dak kollu li jagħtina sigurta’, qalbna donna tingħafas u ngħidu: “Imma kif jista’ jkun dan”?
 

Forsi jistgħu jgħinuna żewġ persunaġġi li huma ‘l bogħod minn xulxin fiż-żmien imma viċin fl-idejali. Illum il-Knisja qed tirrikonoxxi il-qdusija ta’ Madre Tereża. Mara li għalkemm kienet tagħmel parti mill-ħajja Reliġjuża ma kien jonqosha xejn. F’mument il-Mulej isejħila tħalli l-ħitan tal-kunvent u tmur tgħix mal-ifqar fost il-fqar. Ħarġet miż-żona komda tagħha u skomda għall-aħħar terqet mat-triqat ta’ Kalkutta. Skomda iva, imma ħielsa! L-istess 800 sena qabel għamel San Franġisk t’Assisi li skopra f’Alla missier li kien bil-wisq iktar soddisfaċenti minn Pietro di Bernardone. Neża saħansittra ħwejjġu u ħieles terraq wara Ġesu’.

Min jaf, forsi aħna wkoll xi darba naslu nindunaw, li “Alla waħdu kollox”!

Sa dakinhar li l-Mulej idewqna dan, nitolbuh biex fina jibqa’ jkebbes x-xewqa li nkunu tiegħU.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem