L-14 il-Ħadd ta' Matul is-Sena

Jien għandi problema serja: għadni ma tgħallimtx ħaġa importanti ħafna. Issa please tidħkux bija. Meta nsiefer għadni ma tgħallimtx nieħu miegħi bagalja zgħira. Meta nkun ser insiefer diżastru totali. Waqt li nkun qed nipprepara il-bagalja kriżi papali! F’dak il-ħin li nkun qed naħseb x’ser nieħu miegħi kollox jidher importanti, nispiċċa nimla il-bagalja sa ruħ ommha, tant li jkolli naqbeż jew impoġġi fuqha biex nagħlaqha. Imbgħad nispiċċa nġorr miegħi ħwejjeġ u żraben li qatt ma ilbist, kotba li qatt ma qrajt, kompjuter li qatt ma xegħlt. Nkun biss ħadthom passeġġata miegħi madwar id-dinja u zidt il-piż. Dan biex ma nsemmux il-panik li jaqbadni hekk kif nasal l-airport u jkun hemm cans li jgħiduli li l-bagalja overweight u jkolli nħallas il-flus. 

U propju illum fil-Vanġelu niltaqaw mà Ġesù waqt li qed jibgħat d-dixxipli tiegħu għall-missjoni u jgħidilhom biex ma triq ma jieħdu xejn magħhom . X’differenza mill-bagalja tiegħi meta nsiefer!

Għalfejn Gesù jgħid lill-appostli biex magħhom mat-triq ma jieħdu xejn? Ġesù jixtieq li dawk li huma msejjħa biex imorru jxandru il-Vanġelu jkunu ħielsa minn dak kollu li jistgħu jgħaddu mingħajru, ħielsa bħal ma kien ħieles hu, minn dak kollu li jfixkel u jtaqqal, mistrieħa biss fil-provvidenza tà Alla. Ħafna drabi aħna ma nagħmlux esperjenza tal-providenza t’Alla għax ma jonqosna xejn. 

Xi ħadd jistà jgħid li hawn donnu Ġesù hawn ma jirraġunax tajjeb. Għalfejn jibgħathom b’xejn lill-appostli, meta kien jaf li jistà jiġrilhom xi ħaga? Ġesù kien jaf tajjeb li qalb il-bniedem, u allura anke qalb l-appostlu faċli tintrabat mà ħafna affarijiet u tinsa il-missjoni tagħha. Faċli tintrabat mal-kumdità u tinsa li l-missjoni tirrikjedi anke d-diffikultajiet. Ġesù hawn iwissi biex ma nintrabtux lanqas mas-suċċess, mat-tfittxija li jċapċpulna, li dejjem jgħidulna “bravi”. Ġesù jaf tajjeb ukoll li meta ma nkunux ħielsa mis-suċċess, nwettqu il-missjoni tagħna sakemm jkun hemm xi ħadd jimxi warajna u jċapċpilna.

U kemm drabi jiġrilna li nibdew nxandru lil Ġesù, u hekk xħin jinqala xi intopp nħallu kollox? Donnu ninsew min kien Dak li bgħattna nxardru il-Vanġelu. Nibżgħu. Kemm –il darba jiġrilna li nieqfu ngħixu tajjeb, ma nkunux tà xhieda fuq il-post tax-xogħol, għax nibżgħu li jgħadduna bi żmien? Kemm –il darba stajna għedna kelma tà ġid u m’għadniex għax kieku għedniha kien ikollna inħallsu xi prezz? F’dak il-kas inkunu għadna wisq marbutin mà x’jaħseb ħaddiehor fuqna. 

Barra minn hekk Ġesù qatt ma jibgħatna weħidna, filfatt il-Vanġelu tallum jgħidilna “beda jibgħathom tnejn tnejn”. Kull missjoni tajba kemm hi tajba, jekk magħmula minn individwi weħidhom, ma tirriflettix is-sbuħija kollha tal-Vanġelu, u qatt ma tħalli il-frott mixtieq. Kull azzjoni magħmula mill-insara trid dejjem tispiċċa f’komunità. Min jaħdem waħdu fil-missjoni tà l-evangelizzazjoni destinat li jfalli. In-nisrani qatt mhu msejjaħ biex jagħmel one man show. Tant Ġesu jemmen fil-komunità li jgħid “meta tidħlu f’xi dar ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk”. Bħal donnu jrid jgħid “Toqgħodux tiġru minn post għall-ieħor mingħajr ma tibnu relazzjonijiet profondi”. 

Imbgħad x’inhu il-messaġġ li Ġesù jridna nwasslu? Jgħidilna il-Vangelu stess: “Fejqu il-morda li jkun hemm".

In-nisrani għandu messaġġ ċar. Il-messaġġ tan-nisrani huwa messaġġ tà fejqan. In-nisrani huwa msejjaġ biex ikun solidali ma' kull min hu mweġġa, u jagħmel minn kollox biex min hu marid ifiq.

J’Alla ilkoll kemm aħna nkunu missjunari f’kull ambjent li nsibu ruhna fih. Jekk kull wieħed u waħda minna jimpenja ruħu biex ikun bniedem li juri s-sewwa, li jiġġieled il-ħażen, li jnissel fejqan, ferħ, hena u mħabba kull fejn ikun, ibqgħu ċerti li d-dinja tkun ħafna isbaħ. Għalhekk ħossukom missjunari, u b’għemilkom xandru mà kulħadd li tkun nisrani hi ħaga mill-isbaħ.
 

Il-Ħadd it-tajjeb