Id-19 Ħadd ta' matul is-sena

Dan l-Imgħallem wieħed tal-bnedmin jaf il-bżonnijet mhux biss tal-poplu tiegħu (kif rajna il-ġimgħa l-oħra) imma anke ta’ dawk li għażel biex warajh jkomplu dak li Hu beda fuq din l-art. Mhix ċajta! Mhux biss il-poplu ta’ Alla għandu bżonn jisma’ il-kelma tiegħU: Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!" Il-kommunita' ta' Ġesu' ħafna drabi issib ruħha titħabat mal-mewġ għax ikollha ir-riħ kontriha. Anke l-istess appostli ħafna drabi qalbhom tkun imtaqqla, tkun imbeżżgħa, tkun imwerwra. Anke il-Knisja ħafna drabi issib ruħha li m’għandix risposti għall-kull sitwazzjoni li tiltaqa’ magħha.

Illum, bħal f’kull żmien il-Knisja, dawk li Ġesu’ għażel biex bħala missjoni partikolari jkollhom ix-xandir tal-Vanġelu spiss ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ persekuzzjonijiet ta’ kull xorta.

Ma nkunux niżbaljaw jekk ngħidu li f’kull żmien, mill-bidu tal-Knisja sallum kien hawn minn minn kellu il-proġett ewlieni li jonfoħ kontra il-Komunita' ta' Ġesu'. Mingħajr l-ebda sens ta’ vittimiżmu nistgħu ngħidu li f’kull żmien, f’xi parti oħra tad-dinja kien hemm xi knisja ippersegwitata. Dawn l-ewwel ġimgħatejn ta’ Awissu jitkellmu ċar dwar pesunaġġi li f’kull żmien kienu il-vittmi ta’ mibgħeda kontra id-dixxipli ta’ Ġesu’ fid-dgħajsa ta’ Pietru; San Lawrenz, Santa Edith Stein (soru karmelitana), San Massimiljanu Kolbe (patri franġiskan konventwal). Il-kulur aħmar, id-demm tal-martri minn dejjem u għall-dejjem ser isebbaħ il-Knisja ta’ Kristu. U anke min ma ġieħx mogħti il-palma tal-martirju spiss kellu jsofri martirju ieħor; dak tal-malafama, dak tal-esklużjoni, dak tal-kritika xejn kostruttiva. Propju Papa Franġisku, fl-aħħar vjaġġ appostoliku tiegħu fil-Polonja ta ġieħ lil żewġ Franġiskani Martri fil-Peru' maqtula minħabba il-mibgħeda lejn il-Vanġelu. 

Id-deċiżjoni hija waħda ċara; jew fidi għall-Vanġelu jew nippruvaw nillimaw il-Vanġelu hekk li fejn jinżera ma jweġġax. Imma il-Kelma ta’ Alla hija bħall-xabla taqta’ minn żewġ t’ixfar! Il-Vanġelu ma jistax jibqa’ sieket. Fejn jinżera’ jagħti kosolazzjoni, imma jisfida, jgħallem, jeduka. Min jiddeċiedi li jillima il-Vanġelu żgur li ma jistax jiftaħar li demmu jgħajjat daqs dak tal-martri!

Hija l-fidi li tgħin lid-dixxiplu ta' Ġesu' jkompli għaddej. Mhux ta' b'xejn li it-tieni qari jagħmel eloġju lill-antenati tagħna li kellhom il-fidi. Mhux ta' b'xejn li l-Ewwel qari jitkellem fuq il-wegħdiet li Alla mhux ser iħalli qatt weħidhom lil min huwa għażel biex ixandar il-Verita'. Il-wegħda li Ġesu' jagħmel fil-Vanġelu lill-qaddejja fidili li jgħaddi quddiemhom iservihom tħeġġiġna biex ma naqtgħu qalbna qatt. 

Lill-Knisja persegwitata f’kull żmien isma’ inti ukoll leħen il-Mulej miexi fuq l-ilma jgħidlek: “Jiena Hu, agħmlu il-qalb, tibżgħu xejn”.

Il-Ħadd it-tajjeb!