Lil hemm mid-daqqa ta'ħarta...

 
 
 

Ejjew nimaġinaw ftit...Ejja nimmaġinaw xi ħadd li ma jiflaħx lil xi ħaddieħor u allura jiddeċiedi li jagħmillu l-ħsara. X’jagħmel? Jiddeċiedi li jaqbad ftit velenu u jpoġġieħ fl-ikel tal-persuna li ma jkunx jiflaħ. Pero’ b’għaġeb ta’ kulħadd, fl-aħħar minuta jaqbad dak l-ikel u flok jagħtih lill-għadu tiegħu, jieklu hu. Tgħidu intom li dak ir-raġel huwa raġel mingħajr raġuni hux vera? Hekk hu. Imma!!! Kemm drabi fuq livell differenti faċli jiġrilna l-istess?! Meta aħna nirrabjaw għal xi ħadd, meta nobgħodu lil xi ħadd nkunu qed niġu ngannati fli naħsbu li dik ir-rabja li jkollna f’qalbna qed tagħmel ħsara lil min ma jħobbnix, imma fil-verita’ dik ir-rabja tkun qed teqrid lilna minn ġewwa.

Tgħiduli. “Inti taf x’inti tgħid”? “Taf kemm hu diffiċċli dan il-Vanġelu”? “Mela qatt ma kellek esperjenza ta’ kemm hu kiefer li xi ħadd jagħmillek id-deni”? U żgur li diffiċli, anzi kważi impossibbli, li tħobb lura lil min jgħamillek il-ħsara. Imma huwa diffiċċli ħafna iktar meta wieħed ma jaħfirx, huwa ħafna iktar diffiċli meta wieħed iżomm f’qalbu. Ħajtu issir dik l-offiża li tkun saritlu; jibda jikunsidra lilu nniffsu vittma għall-eternita’, jibda jaħseb li dak kollu li qed jiġrilu huwa unikament frott l-esperjenza negattiva li kellu u jeħel.

Hu hawn fejn hemm bżonn ninħelsu. Huwa ovvju li xi ħadd li rċieva azzjoni ħażina jweġġa’, jbati. Dawn is-sentimenti huma umani. Imma jbati ferm iktar jekk jeħel f’dik l-offiża, jekk jeħel f’dik il-weġgħa, jekk ma jibqa’ jara xejn iktar ħlief dak l-insult, dik id-daqqa ta’ ħarta.

Il-Mulej illum qed jistedinna imorru ‘l hemm mid-daqqa ta’ ħarta, minn serqa, mis-sentimenti ta’ antipatija. Iridna naraw ‘l bogħod u nifmhu li l-maħfra hi ħelsien, li bil-qawwa ta’ Alla nista’ mmur ‘l hemm mill-weġġħat tiegħi.

Forsi anke b’dawn l-argumenti għadkom temmnu li taħfer, jew li tħobb l-għedewwa hija ħaġa diffiċli ħafna. Ma nlumkomx! Imma ejja nifmhu ukoll li l-maħfra hija proċess, mixja, ma sseħħx mill-lum għall-għada. Li jien inħobb lil min għamilli d-deni, jiġri wara ħafna talb; wara li nkun tlabt ‘l Alla jgħini nifhem li dik l-istorja ta’ nuqqas ta’ mħabba kienet ukoll storja fejn permezz tagħha jien stajt nikber, fejn jien stajt nifhem li fil-ħajja irid ikolli il-kuraġġ ngħix sitwazzjonijiet fejn nies bħali jiddeċiedu li ma jħobbuniex, probabilment għax mhux maħbuba huma. Kważi kważi lil min għamilli d-deni nibda nqisu b'benefattur tiegħi, li umanament hija kważi mpossibli.

Dan il-Vanġelu fih ukoll trick żgħir, normalment meta naqrawh mill-ewwel jiġu quddiem għajnejna nies illi naqsuna, nies li żgur ma nimxux magħhom lanqas nofs mil, aħseb wara wieħed jew tnejn. Tajjeb niftakru ukoll f’dawk li aħna ġieli weggħajna bl-aġir tagħna.

Tajjeb nżommu f’moħħna ukoll li n-nuqqas ta’ maħfra timblokka lilna u timblokka lil min weggħana. Kemm nies weħlu fil-ħajja għax għadhom qed jistennew li xi ħadd jaħfrilhom? Ejjew nitolbu lil Mulej jgħina nifhmu li meta naħfru ninħelsu aħna u neħilsu lil ta’ madwarna.

Dan il-kliem jibqa’ diffiċli jitwemmen, imma huwa veru. Diversi kienu d-drabi, li kemm jien kif ukoll intom iltqajna ma’ nies illi ħafru, li kienu kapaċi jdawwru ħaddejhom, li kienu kapaċi jimxu dak il-mil iżjed. U tafu intom...huma nies ħielsa tassew!

 

Il-Ħadd it-tajjeb!