Ħadd il-Għid

Ġieli ġralek li ssib ruħek diżappuntat? Ġieli gralek li ssibek titkellem ma' xi ħadd dwar id-diżappunt tiegħek? Forsi afdajt lil xi ħadd li imbgħad tradik. Forsi iddiżappuntantek bintek jew ibnek. Forsi iddiżappuntatak żewġek, martek jew xi ħabib tal-qalb u issibek titkellem ma' xi ħadd dwar dan. Kemm -il darba nħossu il-bżonn li nitkellmu ma' xi ħadd dwar xi diżappunt li jkollna. Kemm -il darba nfittxu li xi ħadd jifhimna. U propju din kienet l-esperjenza ta' dawn iż-żewġ dixxipli li aħna nsejħulhom ta' Emmaus. Kienu filfatt sejrin lura lejn arthom, iddiżappuntati. Tefgħu il-fiduċja kollha tagħhom fuq Ġesu' u bħal donnhom tilfu kollox. Huma stess jistqarru: "Ġesu' ta' Nazaret, li kien profeta setgħani fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f'idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuħ. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Israel: iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja"!

Id-delużjoni tagħhom ma' ħalliethom jaraw xejn tant li meta Ġesu' resaq lejhom lanqas biss għarfuħ! Jgħidilna l-Evanġelista: "Ġesu' resaq lejhom u baqa' miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh". Kemm jiġri lilna l-istess! Kemm bħall donnu jkollna għamad quddiem għajnejna. Normalment tkun il-bizgħa. Biżgħa minn dak li ser jiġri, biżgħa minn dak li hemm merfugħ għalija, biżgħa li miniex kapaċi, li mhux ser jirnexxieli, li ser infalli. Bosta drabi din il-biżgħa tkun bħal dik il-ġebla li kien hemm fuq il-qabar ta' Ġesu', imma minn flok fuq il-qabar, tkun fuq qalbi. Biżgħa li ma tħalliniex inħobb. Biżgħa li ġġelgħni nħaffer il-qabar anke jekk għadni ħaj.

Imma Ġesu' jimxi magħhom, kif kien imdorri jagħmel dejjem; Ġesu' li il-kobor tiegħu mhux biss filli għamel il-mirakli imma mexa il-ħajja bħalna u magħna. Ġesu' daq il-ferħ tal-ħajja u xorob sa l-inqas qatra il-kalċi tal-imrar tagħha. U proprju dan ried jispjegalhom: li biex naslu għal glorja irridu ngħaddu mis-salib!

Ma jafux il għala imma il-preżenza ta' Ġesu' magħhom għoġbithom tant li meta għamel tabirruħu li kien ser jibqa' sejjer qalulu biex jibqa' magħhom. U hemm għarfuħ, f'dak il-ġest ta' mħabba li kien għamel fl-aħħar ċena, li jaqsam il-ħobż u jagħti ħajtu.

Iva hu, ma setax ikun ħaddieħor.

Illum qed jgħidllek li mhemm xejn li jista' jżomm dak il-qabar magħluq, ma hemm xejn li dik il-ġebla ma tistax tinfaqa', tinqala minn fuq qalbek. Iċ-ċirkustanzi ta' madwarek jistgħu jibqgħu l-istess, imma qalbek timbidel. Illum Ġesu' qed jistiednek titla' minn ġo dak il-qabar li ħaffirt int stess bil-biżgħat tiegħek. Illum qed jistiednek tmur u xxandar lil ħutek li il-Mulej ħaj, li int ħaj, li miegħu il-ħajja hi isbaħ, iktar ferrieħa u entużjażmanti.

Qed jistiednek tmur tgħid lil ħutek: "Il-Mulej ħaj u jien iltqajt miegħu"!

L-Għid it-tajjeb!