Miġnun bl-imħabba...għalik!

Għadna kif smajna ir-rakkont tal-passjoni. B’din is-Solennita’ nibdew il-Gimgħa Mqaddsa. Il-Gimgħa li fiha nfakkru il-passjoni tal-Mulej. “Passjoni”, hija l-kelma li ser nisimgħu ħafna f’dawn il-jiem. Tant laqtitni din il-kelma “passjoni” li mort infittixa fid-dizzjunarju. Bi stagħġib, f’dizzjunarju taljan sibt 3 tifsiriet ta’ din il-kelma.

  1. Interess qawwi għal xi ħaġa partikulari (Bħal ngħidu aħna passjoni għall-arti)
  2. Tbatija kbira
  3. Sentiment qawwi ħafna li jżomm lil persuna fi stat ta’ emozzjonijiet qawwija fejn tidħol l-imħabba (Bħal meta ngħidu wieħed tkaxkar mill-passjoni)

Iktar bqajt mistagħġeb meta ndunajt li dawn it-tlett tifsiriet isibu posthom fir-relazzjoni ta’ bejn Alla u il-bniedem.

L-ewwel sens fakkarni b’liema passjoni Alla ħalaq il-bniedem. Il-passjoni tal-artista li joħloq u jagħmel kapolavur. Nafu li l-artisti kollha jkunu appasjonati tal-opri li jkunu ħolqu. Huma tant jieħdu pjaċir meta joħolqu xi ħaġa ġdida li arahom jgħaddu ż-żmien jikkontemplawha. Forsi ma niftakrux b’liema passjoni Alla ħalaq l-univers u wisq iktar lill-bniedem? Forsi il-Bibbja ma tgħidilniex li għamel kollox tajjeb?

It-tieni tifsira wkoll għandha ħafna xi tgħid. Forsi aħna il-maltin ma ngħidux “qed nara il-passjoni” meta nkunu qed inbatu? U x’ser inkunu qed nagħmlu din il-ġimgħa jekk mhux niftakru fi tbatijiet ħarxa li għadda minnhom il-Mulej, biex jurina li jħobbna b’imħabba kbira?

Irrid imma nieqaf l-iktar fuq it-tielet sens ta’ din il-kelma. Dan is-sentiment mhux il-bogħod minn qlubna. Nafu x’iġifieri meta tiġġennen fuq xi ħadd. Dan huwa is-sentiment li aħna narawħ fil-maħbubin, ħafna drabi fl-ewwel esperjenzi tal-imħabba tagħhom, fejn il-persuna ma tibqa’ tara xejn ħlief l-oġġett tal-imħabba tagħha. Huwa il-ġenn tal-imħabba biex ngħidu hekk. Huwa is-sentiment li jkaxkrek lejn min tħobb. U huwa propju dan li ser niċċelebraw matul din il-ġimgħa.

Hija din il-passjoni ta’ mħabba għalina li ġennet lil Ġesu’ jterraq il-Palestina jwassal messaġġ ta’ mħabba. Hija din il-passjoni li għamlet lil Ġesu’ ħabib tal-pubblikani u il-midimbin. Hija din il-passjoni li minn Alla għamlitu bniedem. Hija din il-passjoni li żammitu mwaħħal ma’ salib, fidil sal-aħħar qatra ta’ demmu.Baqa’ fidil dejjem għall-passjoni li kellu għal kull bnidiem. Hija l-istess passjoni li ġagħlitu jgħajjat: “Alla huwa mħabba”. Min ħaseb li seta’ jeqirdu semgħu jgħid: “Missier aħfrilhom”. Min nifdu b’lanqa intlaqat mill-istess passjoni u kellu jikkonkludi: “Dan tassew kien Bin Alla”.

Din hija il-passjoni li ssalva. Aħna ma salvatniex rieda kiesħa, imma mħabba taqbad. Meta jirnexxielna nilqgħu din l-imħabba, din l-imħabba bla limiti, nibdew infiequ.

U jibda jkollna l-istess passjoni tiegħu lejĦ u lejn id-dinja. Ma nibqgħux magħluqa fl-egoiżmi stupidi tagħna. Ma nibqgħux ilsiera ta’ affarijiet. Ma nibqgħux nimmaġinaw li l-ferħ marbut ma’ karozza, ħwejjeġ, imma nibdew nindunaw li l-ferħ jiġi mill-passjoni ta’ mħabba lejn l-aħwa. Nibdew naħslulhom saqajhom! Nibdew naħfrulhom!

Hija l-istess passjoni li ġennet lil qaddisin. Kienet dik il-passjoni li ġennet lil San Franġisk t’ Assisi biex jinża kollox u għalih ma jħalli xejn. Kienet din il-passjoni li ġennet lil Massimiljanu Kolbe u ġagħlitu jmut għal wieħed li lanqas biss kien jaf!

Fl-aħħar mill-aħħar kienet dik il-passjoni li ġegħlet lil Kristu jidħak bil-mewt u jagħtiha tkaxkira. Nawguralkom li matul din il-ġimgħa mqaddsa tiskopru li Alla huwa appasjonat bil-ġenn tal-imħabba għalikom!