Ċkejken...

Darba kont qed nagħmel talk lil xi tfal tal-primarja. Dakinhar xtaqt inkellem lit-tfal dwar il-bżonn li nfaħħru lil xulxin għat-tajjeb li kapaċi nagħmlu, f’kelma waħda li nkunu nies li kapaċi napprezzaw it-tajjeb tal-oħrajn. Dakinhar iddeċidejt li nibda b’domanda: “Tfal kif tħossukom meta xi tagħmlu xi ħaġa tajba u ħadd ma jgħidilkom prosit jew bravi?”... Skiet...xi ħadd jgħolli jdejħ. “Tajjeb ħafna Fr”! Dak il-ħin ċċassajt, bejn għax waqgħali l-punt li fuqu kelli nibni t-talk u bejn għax il-Mulej forsi ried jurini verament xi tfisser ċkunija. U propju illum Ġesu’ qed jispiċċa l-Aħbar Sabiħa tiegħu (il-Vanġelu) bi frażi li għall-ħafna minnha, għodduni magħkom, hi diffiċli li titwettaq fil-prattika: “Aħna qaddejja li ma niswew għall-xejn, għamilna dak li kellna nagħmlu”! Normalment il-prosit jimlielna xi ftit żaqqna!

Biex wieħed jasal għall-dan l-istat irid ikollu dak id-don li ħafna nies kbar fil-Bibbja kellhom...id-Don taċ-ċkunija! 

Ġesu’ diversi drabi fil-Vanġelu b’paċenzja kbira jipprova jfiehem lill-appostli, u magħhom lilna wkoll li fis-Saltna tas-Smewwiet il-kbir huwa ċ-ċkejken. Meta tqum kwistjoni bejniethom dwar min hu l-ikbar, iressq lejh tifel żgħir u jgħidilhom: “Min jilqa’ lil dan it-tifel żgħir minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili: u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ lil dak li bgħattni. Għax min hu l-iżgħar fostkomm ilkoll dan hu il-kbir”. Ġesu’ jipprova jgħallimhom li għalih il-kbir u dak illi jaqdi l-iktar, dak illi jservi.

Dan Ġesu’ m’għamlux biss bil-kliem. Tiftakru x’għamel fl-aħħar ċena? Ġesu’ jgħaddi u jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu. Pietru jieħu skandlu. Ma setax jifhem kif dan il-Messija, kif dan is-Sultan tal-Lhud, jgħaddi u jaħsillu riġlejħ maħmuġa. Għalih kien skandlu kbir li l-Imgħallem tiegħu jinżel għarkupptejħ quddiemu. B’xi mod Pietru b’dak li qal: “Ma jkun qatt li taħsilli riġlejja” ried ifisser: “Kieku kont jien l-Imgħallem u int id-dixxiplu żgur li ma kontx ser ninżel u naħsillek riġlejk”. Imma Ġesu’ bħall dejjem, ta intelliġenti li hu jgħidilhom: “Tifmhu x’għamiltilkom?” “Intom issejħuli l-Imgħallem u il-Mulej, u sewwa tgħidu għax hekk jien. Mela jekk jien li jien l-Imgħallem u il-Mulej ħsiltilkom riġlejkom, hekk agħmlu intom ukoll wieħed lill-ieħor”. Ġesu jrid jurina li quddiemu min hu ċkejken huwa kbir. Il-Vanġelu mimli, anzi miżgħud b’ dawn l-eżempji.

U allura min hu ċ-ċkejken? Min hu dak li ser jidħol fis-saltna tas-smewwiet?

Iċ-ckejken huwa dak li jaf li jiddependi minn Alla. Tifel ċkejken jaf li għall-kollox jiddependi mill-ġenituri tiegħu. Huwa dak li jaf li Missieru jaf aħjar minnu. Huwa dak li jaf li anke fl-iktar ħwejjeġ bażiċi jiddependi minn min qed jieħu ħsiebu. In-nisrani huwa msejjaħ li jintelaq f’idejn Alla, għax jaf li għall-kollox jiddependi minnu. Kemm jiġrilna kultant li naħsbu li aħna nafu l-affarijiet aħjar minn Alla u allura arana ngergru għall-kull intopp? Kemm jiġri wkoll kultant li naħsbu li Alla ma jieħux ħsiebna. U allura arana nitfgħu il-fiduċja tagħna fuq l-affarjiet ta’ din l-art biss, u Alla jidħol biss meta jkollna xi problema? Kemm -il darba naħsbu li għax għadna ħafna affarijiet, ħafna flus, sirna qisna allat żgħar?

Iċ-ċkejken huwa dak li jagħraf li hu midneb. Kemm inkunu ingannati aħna jekk naħsbu li sirna qaddisin! Kemm immorru żmerċ meta naħsbu li aħna lil Ġesu’ nafuħ, u l-oħrajn msieken ma jafuhx. Aħna il-bravi, l-oħrajn il-midimbin. Qatt ħsibt li meta titlob għall-konverżjoni tal-midimbin, l-ewwel qed titlob għall-konverżjoni tiegħek?

U għalhekk il-bniedem ċkejken huwa dak li ma jiġġudikax.  Meta wieħed jiġġudika, awtomatikament ikun qed ipoġġi lilu inniffsu fuq tarġa għola. Ikun qed jgħid li hu tajjeb u ħaddieħor ħażin. Kemm huwa diffiċli persuna li tiġġudika! Min jiġġudika normalment ma jkunx għadu għaraf id-dnub tiegħu, li huwa s-suppervja u il-kburija. Min jiġġudika jagħmel il-ħajja ta’ ħutu infern, u normalment għax ikun għadu ma aċċettax id-dnub tiegħu, ma jaċċettax lanqas ta’ ħuħ. Tiftakru Ġesu x’jgħid: “Għalfejn qed tipprova tneħħi it-tibna minn għajn ħuk, meta int għandek travu? Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnejk, hekk tkun tista’ tara tajjeb sabiex tneħħi it-tibna minn għajn ħuk”. Evidentement il-bniedem li hu ċkejken, li jagħraf li hu midneb kapaċi wkoll jaċċetta korrezzjoni.

Iċ-ċkejken huwa dak li jaf li Alla miegħu dejjem, li jieħu ħsiebu, għalhekk fl-avversita’ mimli fiduċja.  Ibati xorta, imma xi ħaġa ġewwa tgħidlu li kollox ser jispiċċa sewwa.

Ejjew nitolbu lil Mulej il-grazzja li nkunu ċkejkna. Ejjew nħossu verament li għax aħna żgħar nistgħu noqgħodu fil-palma tal-id ta’ Alla. Il-bniedem ċkejken huwa dak li jintelaq f’idejĦ, li jħoss it-tgħannieqa tiegħu, fuq kollox li jaf li Alla bih ser jagħmel ħwejjeġ kbar.

 

Il-Ħadd t –tajjeb!