Għid il-Ħamsin

Il-mod kif tgħallimt ngħum jien, u li ma nissuġeriħ lil ħadd ma kienx xi wieħed feliċi. Niftakar kont Dellimara u xi ħadd imbuttani il-baħar. Għadni nifatakarni ngħajjat: “Mummy, Mummy”. Issa ara il-mummy kif kienet ser tismagħni, minn Ħal-Qormi?! Imma insomma kull deni ħudu b’ġid. Minn dakinhar tgħallimt ngħum. Imbierek dak li mbuttani l-baħar!

L-istess jagħmel l-Ispirtu s-Santu, jimbuttak, jitgħfek il-baħar, u waqt li tkun qed titħabat fl-ilma titgħallem tgħum. Iva, jimbuttak. Ma jħallix tħares lejn il-baħar. Ma jħallikx titkellem fuq il-baħar, tgħid kemm hu sabiħ, kalm bħaż-żejt, jew inkella tilmenta għax il-baħar imqalleb, bħal dak li qallu huwa tort tiegħu għax imqalleb. L-Ispirtu jitfgħek tgħum, jimbuttak il-baħar.

Hekk ġralha Marija, wara l-aħbar li kellha ssir omm. L-Ispirtu mbuttha u telqet tiġri lejn Għajn Karim, għand Eliżabetta, li kellha sitt xhur tqala. Weħidha ma kienetx tkun kapaċi tmur! Imbuttaha u mlieha bil-ferħ: "Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-Ispirtu tiegħi jifraħ..."

Hekk ġralu Ġesu’ qabel ma beda il-missjoni tiegħu, l-Ispirtu ħadu fid-deżert. Imbuttaħ hemm, biex jaffaċċja t-tentazzjonijiet, biex jirbaħ għalina. L-Ispirtu mbuttah ukoll jifraħ għas-suċċess li kellhom id-dixxipli fil-missjoni: "F’dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin".

X’għamlilhom lill-appostli fiċ-ċenaklu meta niżel fuqhom? Mbuttahom ‘il barra, biex bil-ferħ u bla biżgħa jxandru il-Vanġelu. Weħidhom mingħajr l-Ispirtu tal-ħajja kienu jibqgħu magħluqin ġewwa, imwerwrin. U ferħu, ferħu fl-Ispirtu anke meta kellhom il-baħar kontrihom: "Iżda huma ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta' Ġesù. U kuljum, fit-tempju u fi djarhom, kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù hu l-Messija".

X’għamel l-Ispirtu lill-qaddisin? Jikteb San Franġisk fit-Testment tiegħu:

“Meta jien kont għadni ngħix fid-dnub, id-dehra ta’ l-imġiddmin kienet għalija wisq morra. U l-Mulej inniffsu mexxieni f’nofshom, u jien wrejt ħniena magħhom. U wara li ħallejthom, dak li qabel dehrli li kien morr, inbidel fi ħlewwa għar-ruħ u għall-ġisem”.

Jgħid hu stess li kien il-Mulej li imbuttaħ f’nofshom, waħdu ma kienx kapaċi jmur qalb il-lebbrużi.

Min kien dak li mbotta lil Dun Ġorġ Preca ġo nofs dawk iż-żgħażagħ li kienu jiltaqgħu fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ San Gejtanu? Min kien li mbotta lil Massimiljanu Kolbe biex jistaqsi jekk jistax imut flok missier ta’ familja fil-kamp tal-konċentrament? Min, jekk mhux l-Ispirtu?

Iva ħallieħ jimbotta lilek ukoll...ħallieħ jimbuttak, ħallieħ jitfgħek il-baħar. Tibqax biss tħares lejn il-baħar, tikkumenta jekk hux sabiħ jew imqalleb. Ħallieħ jimbutattak fil-baħar tal-Knisja, mhux biss tilmenta fuq il-Knisja. Ibda għum fiha, minn ġewwa sebbaħha bl-entużjażmu tiegħek għall-Vanġelu. Ħallieħ jimbuttak fil-qalba tad-dinja biex tagħmel minnha post isbaħ. Ħallieħ jimbuttak fil-qiegħ tiegħek innifsek ħalli ssib min int. Ħallieħ jiskomodak. Jekk int wieħed minn dawk li qed tgħix il-ħajja nisranija fil-kalma, xi ħaġa sejra smerċ. Kull meta tħossok insodisfatt, kull meta tixtieq iktar, għid li l-Ispirtu qed jaħdem. Anke jekk l-Ispirtu jġib paċi u ferħ imma ma jħallikx bi kwietek. L-Ispirtu huwa dinamiżmu, jaqgħilek minn fejn tkun biex bil-ferħ tmur ixxandar il-Vanġelu fejn qatt ma’ ħsibt li xxandru. 

Iva ħallieħ jimbuttak...ħallieħ...tinduna li ħajtek ma tibqax monotona. L-Ispirtu kapaċi jagħmel mill-ħajja nisranija tiegħek avventura mill-iktar entużjażmanti.