Mhu żmien faċli xejn

 

Lq 4, 1-13

Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa' lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ. U x-Xitan qallu: "Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż." Wieġbu Ġesù: "Hemm miktub li 'l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix.' " Mbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f'daqqa. Qallu x-Xitan: "Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid. Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun." Ġesù wieġbu u qallu: "Hemm miktub,

"Lill-Mulej Alla tiegħek tagħti qima, u lilu biss taqdi.’ ”

Mbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq  il-quċċata tat-tempju, u qallu: "Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. Għax hemm miktub li   

       ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom

        biex jieħdu ħsiebek sewwa,’

       u li

        fuq idejhom jerfgħuk,

        ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla.’ ”

Wieġeb Ġesù u qallu: "Jingħad, 'Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.' "Mbagħad ix-Xitan meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.

 

 

Mhux żmien faċli! Forsi l-ewwel impressjoni li jkollna tar-Randan mhix  xi waħda ferrieħa. Nafu li l-Knisja tisstedinna nibdew it-triq lejn Ġerusalemm, triq li ser twassalna nimmeditaw  lil Ġesu’ waħdu, imbeżżgħa, miċħud u tradut, arrestat, ikkundannat, suġġett ta’ vjolenza l-aktar mistkerrħa, mdendel ma’ salib.

Imbgħad is-sawn, għiduli ftit min minna jkollu aptit isum, jekk mhux min irid inaqqas xi zewġ kilos li tella matul is-sena? Żgur li ma jkollniex l-istess entużjażmu tal-Avvent. Din id-darba mhux qed infakkru u ngħixu mill-ġdid l-istennija tat-twelid tat-tarbija ta’ Betlehem. Minflok il-Pannetone u il-Baċi niġgħu mistiedna niċċaħdu mill-iktar affarijiet li nħobbu! Povru, min bħali, li l-ħut ma jniżillux! Imbgħad min illum jieħu pjaċir jifatkar li jrid imut? Lil min togħġob il-frażi: “Trab kont u trab terġa’ issir”?

Dawn l-affarijiet kollha forsi jġegħluna nħossuna inqas entużjasti nibdew din il-mixja tar-Randan. Pero’ ir-Randan mhux ser jieqaf hemm, mhux ser iħallina weħidna quddiem is-salib. Ser iwassalna iva għal kontemplazzjoni tal-kurċifiss imma ser jurina il-qabar f’vojt, ser iwassalna nikkontemplaw il-ferħ tal-Għid mxerred ma’ kullimkien fid-dinja.

Ir-Randan huwa proprju dak iż-żmien li jgħina ninħelsu minn dak kollu li ma jħalliniex ngħixu il-ferħ tal-Għid. Matul dawn l-erbgħin jum, bil-mod il-mod ser ninħelsu minn dak kollu li ma jagħmilniex kapaċi nifirħu. Kapaċi jifraħ min hu meħlus, min, bil-qawwa ta’ Ġesu’ Kristu ta’ l-aħħar daqqa lil mewt u lil dak kollu li jorbtu magħha. Ħafna drabi naħsbu li aħna nkunu nies ħielsa meta jkollna kollox: saqaf fuq rasna, żaqq mimlija, fama tajba u dak kollu li f’ħajjitna jagħmilna fi żgur.

Imma dan mhux minnu u l-ħajja stess tagħtina il-provi. Kemm –il darba spiċċajna ilsiera ta’ dak kollu li għadna. Iva, hekk hu! Kemm –il darba stinkajna biex nakkwistaw xi ħaġa, imma propju dik il-ħaġa li għallietna, neħħitilna il-ferħ, għax spiċċajna ilsiera tagħha. Kemm –il darba ridna npaxxu lilna nfusna b’kull xorta ta’ pjaċir u sodissfazzjon biex imbgħad indunajna li dħalna f’xi vizzju li sallabna.

Illum Ġesu’ irid jurina li la l-ħobż, la l-affarijiet li bihom nimtlew sax-xaba, la l-fama m’huma ser jagħmluna nies ħielsa. Ġesu’ illum jitfgħana fid-deżert biex idawwlilna moħħna u qalbna u jurina liema huma dawk il-ħwejjeġ li flok ħelsuna, rabtulna mażra m’għonqna. Ftit ftit jixtieq jeħlisna, biex ħfief u ferħana, naslu quddiem il-qabar vojt!