II Ħadd tal-Għid

L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.
Ġw 20, 19-31

Dak il-Ħadd filgħaxija, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mill-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesu’ u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Il-paċi magħkom!’’ Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw il-Mulej. Imbagħad Ġesu’ tenna jgħidilhom: “Il-paċi magħkom! Kif Missieri bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom.’’ Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu: id-dnubiet ta’ dawk li taħfru jkunu maħfura, u d-dnubiet ta’ dawk li żżommu jkunu miżmuma.’’
Wieħed mit-Tnax, Tumas, imlaqqam it-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesu’. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna l-Mulej.’’ Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka ta’ l-imsiemer, jekk ma nqegħidx sebgħi fuq il-marka ta’ l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jiena ma nemminx.’’
Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa u Tumas kien magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesu’ daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Il-paċi magħkom!’’ Imbagħad qal lil Tumas: “Newwel sebgħek ’il hawn u ara idejja, u ġib idek u qegħidha fuq ġenbi: qis li ma tonqosx fik il-fidi, iżda emmen.’’ Wieġbu Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħI!’’ Qallu Ġesu’: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.’’
Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesu’ għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu biex intom temmnu li Ġesu’ hu l-Messija Bin Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’Ismu.


Il-Kelma tal-Mulej. 
It-tifħir lilek Kristu.

          

Minkejja Kollox!

Inkredibbli dan Ġesu, u wisq iktar inkredibbli id-dixxipli tiegħu! L-evanġelisti donnhom kienu jsibu għaxqa jirrakuntaw kemm dawn id-dixxipli kellhom fidi ċkejkna. Il-ġrajja tal-Qawmien mill-imwiet ma ssibx art f'dawk li kienu dejjem miegħu. San Mark jgħidilna li dawk li kienu ta' ġewwa miegħu ma jemmnu la lil Marija ta' Magdala u lanqas liż-żewġ dixxipli li jmorru jagħtuhom l-aħbar. Imsieken id-dixxipli. Kienu konvinti li l-istorja ta' Ġesu' tispiċċa bis-salib. San Mark jgħidilna li Ġesu' ċanfarhom minħabba in-nuqqas ta' fidi tagħhom u l-ebusija ta' rashom.

Illum niltaqaw ma' Tumas li jistqarr li ma jemminx qabel ma jmiss il-pjagi ta' Ġesu'! U Ġesu' jerġa jagħti prova oħra, jerġa joqgħod jinqala minħabba Tumas.

Il-kobor ta' dawn il-ġrajjiet huwa li Ġesu' jibqa' jafda lid-dixxipli tiegħu. Minkejja l-ebusija ta' rashom, minkejja in-nuqqas ta' fidi tagħhom. Minkejja kollox jafdahom bl-ikbar missjoni fl-istorja. "Morru fid-dinja kollha, xandru il-Bxara t-tajba lil ħolqien kollu".

U forsi jien u int mhux f'din il-lista ta' nies ukoll. Forsi aħna mhux ukoll minn dawk li jridu jkunu dixxipli ta' Ġesu'. Forsi aħna mhux ukoll smajnieħ ħafna drabi jitkellem, forsi aħna mhux ukoll wasalna għal konklużjoni li Ġesu' huwa ħaj, imma minkejja dan, daqshekk tqal biex nemmnu. Min minnha jħossu dehen li jxandar il-Vanġelu? Min minnha ma jħossx li il-Vanġelu huwa xabla li taqta' minn żewġ t-ixfar, li bil-qawwa tiegħu iferi lil min jisimgħu u lil min jippriedkaħ?

U minkejja kollox Ġesu' jagħżilna, jagħtina missjoni li immorru nxandruħ sa trufijiet tal-art. Minkejja kollox! U għaliex dan? Għax Ġesu' ma jużax l-istess kriterji tagħna. Aħna nagħżlu skond ċerti kriterji, Alla skond oħrjan. Jien nagħżel skond kemm int kapaċi, jien nagħżel skond l-effiċjenza, skond ir-riżultati li kapaċi ġġib. Alla jagħmlek kapaċi, Alla jagħmlek dehen, Alla jagħmlek effiċjenti.

U id-dixxipli waslu, anke jekk b'ħafna tqażiħ. Kollha, forsi minbarra wieħed spiċċaw mietu martri għall-ismu. Kollha xandruħ sat-trufijiet tal-art. Kollha ħabbewħ sal-aħħar.

U dan li minnha u bina ser jagħmel ukoll. Ejja naqbżu bil-ferħ kull meta nħossuna ndenji li nxandru il-Vanġelu. Dakinhar nindunaw li mhux aħna qed nxandruħ, imma hu qed ixandar l-aħbar it-tajba permezz tagħna. Hu qed jagħmel kollox, aħna qed nagħtuħ daqqa t'id. Kollox minnu, kollox b'ħiltu, kollox għaliħ! Lilu glorja kemm itulu iż-żminijiet! Amen.